Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 69: Tifla Tgħin lil Raġel Setgħan

Storja 69: Tifla Tgħin lil Raġel Setgħan

TAF x’inhi tgħid din it-tifla żgħira? Hi qed tgħid lis-sinjura dwar il-profeta ta’ Ġeħova, Eliżew, u dwar l-affarijiet tal-għaġeb li Ġeħova jgħinu jagħmel. Is-sinjura ma tafx dwar Ġeħova għax mhijiex mara Iżraelija. Mela, ejja naraw għala t-tifla qiegħda fid-dar tas-sinjura.

Is-sinjura hija mara Sirjana. Ir-raġel tagħha hu Nagħman, il-kap tal-armata Sirjana. Is-Sirjani qabdu lil din it-tifla żgħira Iżraelija, u ħaduha għand il-mara ta’ Nagħman biex tkun il-qaddejja tagħha.

Mart Nagħman u t-tifla qaddejja tagħha

Nagħman ikollu marda kerha li tissejjaħ ġdiem. Din il-marda tista’ anki ġġiegħel il-laħam tal-persuna jaqa’. Għalhekk, it-tifla qed tgħid lil mart Nagħman: ‘Kemm nixtieq li sidi jista’ jmur għand il-profeta ta’ Ġeħova f’Iżrael. Kieku jfejqu mill-ġdiem tiegħu.’ Iktar tard ir-raġel tas-sinjura jsir jaf x’qalet it-tifla.

Nagħman verament jixtieq li jiġi mfejjaq; allura jiddeċiedi li jmur Iżrael. Meta jasal hemm, imur sad-dar t’Eliżew. Eliżew iqabbad lill-qaddej tiegħu biex imur u jgħid lil Nagħman ħalli jmur jinħasel fix-Xmara Ġordan seba’ darbiet. Dan jirrabjah ħafna lil Nagħman, u hu jgħid: ‘Ix-xmajjar ta’ pajjiżi huma aħjar minn kwalunkwe xmara f’Iżrael!’ Wara li jgħid dan, Nagħman jitlaq.

Imma l-qaddejja tiegħu jgħidulu: ‘Sinjur, kieku Eliżew qallek tagħmel xi ħaġa diffiċli, kont tagħmilha. Issa għala ma tistax tinħasel kif qallek?’ Nagħman jisma’ mill-qaddejja tiegħu u jmur u jinżel fix-Xmara Ġordan seba’ darbiet. Meta jagħmel dan, ġismu jissoda u jsir f’saħħtu!

Nagħman iħossu ferħan se jtir. Hu jmur lura għand Eliżew u jgħidlu: ‘Issa naf fiċ-ċert li l-Alla t’Iżrael hu l-uniku veru Alla fl-art kollha. Għalhekk, jekk jogħġbok, ħu dan ir-rigal mingħandi.’ Imma Eliżew jgħid: ‘Le, m’iniex se nieħdu.’ Eliżew jaf li jkun ħażin li jieħu r-rigal, għax kien Ġeħova li fejjaq lil Nagħman. Iżda l-qaddej t’Eliżew, Geħażi, irid ir-rigal għalih.

Allura taf x’jagħmel Geħażi? Wara li Nagħman jitlaq, Geħażi jitlaq jiġri biex jilħqu. Geħażi jgħidlu: ‘Eliżew bagħatni biex ngħidlek li jixtieq ftit mir-rigali tiegħek għal xi ħbieb li għadhom kif ġew iżuruh.’ M’għandniex xi ngħidu, din hija gidba. Imma Nagħman ma jafx li hi gidba; allura jagħti lil Geħażi ftit mill-affarijiet.

Meta Geħażi jerġa’ lura d-dar, Eliżew jaf x’għamel għax Ġeħova qallu. Għalhekk hu jgħid: ‘Talli għamilt din il-ħaġa ħażina, il-ġdiem ta’ Nagħman jiġi fuqek.’ U hekk jiġri, mill-ewwel!

X’nistgħu nitgħallmu minn dan kollu? L-ewwel, li għandna nkunu bħat-tifla żgħira u nitkellmu dwar Ġeħova. Dan jista’ jagħmel ħafna ġid. It-tieni, li ma rridux inkunu kburin bħalma kien Nagħman fil-bidu, imma għandna nobdu lill-qaddejja t’Alla. U t-tielet, m’għandniex nigdbu bħalma għamel Geħażi. Kemm nistgħu nitgħallmu affarijiet meta naqraw il-Bibbja, hux?

2 Slaten 5:1-27.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, it-tifla żgħira x’qed tgħid lis-sinjura?
  • Min hi s-sinjura fl-istampa, u t-tifla żgħira x’qed tagħmel fid-dar tas-sinjura?
  • Eliżew x’jgħid lill-qaddej tiegħu biex jgħid lil Nagħman, u Nagħman għala jirrabja?
  • X’jiġri meta Nagħman jisma’ mill-qaddejja tiegħu?
  • Eliżew għala ma jaċċettax ir-rigal ta’ Nagħman, imma Geħażi x’jagħmel?
  • X’jiġrilu Geħażi, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

Iktar mistoqsijiet