KIEKU kellek tmut, kif taħseb li tħossha ommok li kieku int terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid? Kieku tkun ferħana se ttir! Imma jista’ xi ħadd li miet jerġa’ jgħix? Ġieli ġrat qabel?

Ara dan ir-raġel hawnhekk, u l-mara u t-tifel żgħir. Ir-raġel hu l-profeta Elija. Il-mara hi armla mill-belt ta’ Sarefat, u t-tifel huwa binha. Mela, ġurnata waħda t-tifel jimrad. Hu jmur mill-ħażin għall-agħar sakemm fl-aħħar imut. Imbagħad, Elija jgħid lill-mara: ‘Agħtini t-tifel.’

Elija ma’ armla u binha rxoxtat

Elija jieħu t-tifel mejjet fuq u jmiddu fuq is-sodda. Imbagħad jitlob: ‘O Ġeħova, agħmel li t-tifel jerġa’ jgħix mill-ġdid.’ U t-tifel jibda jieħu n-nifs! Hekk kif jiġri dan, Elija jerġa’ jieħdu isfel u jgħid lill-mara: ‘Ara, ibnek ħaj!’ Għalhekk l-omm hi daqstant ferħana.

Profeta ieħor importanti ta’ Ġeħova jismu Eliżew. Hu jaqdi bħala dak li jgħin lil Elija. Imma maż-żmien Ġeħova juża lil Eliżew ukoll biex jagħmel il-mirakli. Darba, Eliżew imur fil-belt ta’ Sunem fejn hemm mara li tkun qalbha tajba ħafna miegħu. Maż-żmien, din il-mara jkollha tifel.

Għodwa waħda, wara li t-tifel ikun kiber, hu jmur biex jaħdem fl-għalqa ma’ missieru. F’daqqa waħda t-tifel jgħajjat: ‘Qed tuġagħni rasi!’ Wara li jiħduh id-dar, it-tifel imut. Kemm tkun imnikkta ommu! Mill-ewwel hi tmur u ġġib lil Eliżew.

Meta jasal, Eliżew imur fil-kamra fejn hemm it-tifel mejjet. Hu jitlob lil Ġeħova, u jimtedd fuq il-ġisem. Ma jdumx ma l-ġisem tat-tifel jisħon, u hu jagħtas seba’ darbiet. Kemm tkun ferħana ommu meta tidħol u ssib lit-tifel tagħha ħaj!

Ħafna u ħafna nies mietu. Dan nikket ħafna lill-familji u lill-ħbieb tagħhom. Aħna m’għandniex il-qawwa biex inqajmu l-mejtin. Imma Ġeħova għandu. Iktar tard se nitgħallmu kif hu se jerġa’ jagħti l-ħajja lil ħafna miljuni ta’ nies.

1 Slaten 17:8-24; 2 Slaten 4:8-37.


Mistoqsijiet

  • Min huma n-nies fl-istampa, u x’jiġrilu t-tifel żgħir?
  • Elija x’jitlob dwar it-tifel, u mbagħad x’jiġri?
  • X’jismu dak li jgħin lil Elija?
  • Eliżew għala jiġi mitlub imur id-dar ta’ mara f’Sunem?
  • Eliżew x’jagħmel, u x’jiġri lit-tifel mejjet?
  • Ġeħova x’qawwa għandu bħalma ntwera minn Elija u Eliżew?

Iktar mistoqsijiet