Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 66: Ġeżabel—Reġina mill-Agħar

Storja 66: Ġeżabel—Reġina mill-Agħar

WARA li jmut is-Sultan Ġerobogħam, kull sultan li jaħkem is-saltna t’Iżrael fit-Tramuntana b’10 tribujiet ikun ħażin. L-agħar sultan minnhom kollha hu s-Sultan Aħab. Taf għala? Raġuni kbira waħda hi l-mara tiegħu, ir-reġina mill-agħar Ġeżabel.

Ġeżabel mhijiex mara Iżraelija. Hi t-tifla tas-sultan ta’ Sidon. Tqim lill-alla falz Bagħal, u ġġiegħel lil Aħab u lil ħafna Iżraelin biex ukoll iqimu lil Bagħal. Ġeżabel tobgħod lil Ġeħova u toqtol ħafna mill-profeti tiegħu. Oħrajn ikollhom jistaħbew fl-għerien ħalli ma jinqatlux. Jekk Ġeżabel tkun trid xi ħaġa, hi lesta li anki toqtol lil xi ħadd biex tiħodha.

Ġurnata waħda, is-Sultan Aħab ikun imdejjaq ħafna. Allura Ġeżabel tistaqsih: ‘Għala int imdejjaq illum?’

‘Minħabba dak li qalli Nabot,’ iwieġeb Aħab. ‘Ridt nixtri l-għalqa tad-dwieli tiegħu. Imma qalli li ma nistax niħodha.’

‘Tinkwieta xejn,’ tgħidlu Ġeżabel. ‘Dalwaqt tkun tiegħek.’

Mela, Ġeżabel tikteb xi ittri lil uħud mill-irġiel ewlenin fil-belt fejn jgħix dan ir-raġel Nabot. Tgħidilhom: ‘Qabbdu xi rġiel li m’huma tajbin għal xejn biex jgħidu li Nabot seħet lil Alla u lis-sultan. Imbagħad, ħudu lil Nabot ’il barra mill-belt u ħaġġruh.’

Malli Ġeżabel issir taf li Nabot inqatel, tgħid lil Aħab: ‘Issa mur u ħudlu l-għalqa tad-dwieli.’ Ma taqbilx li Ġeżabel għandha tiġi kastigata talli għamlet din il-ħaġa tant terribbli?

Ir-Reġina Ġeżabel

Għalhekk, maż-żmien, Ġeħova jibgħat lil Ġeħu biex jikkastigaha. Meta Ġeżabel tisma’ li ġej Ġeħu, tiżbogħ għajnejha u tipprova tirranġa lilha nfisha ħalli tidher sabiħa. Imma meta jiġi Ġeħu u jara lil Ġeżabel fit-tieqa, hu jsejjaħ lill-irġiel fil-palazz u jgħidilhom: ‘Itfgħuha għal isfel!’ L-irġiel jobdu, kif tista’ tara fl-istampa. Huma jitfgħuha għal isfel u tmut. Dan hu t-tmiem tar-reġina mill-agħar Ġeżabel.

1 Slaten 16:29-33; 18:1-4; 21:1-16; 2 Slaten 9:30-37.



Mistoqsijiet

  • Min hi Ġeżabel?
  • Għala jkun imdejjaq is-Sultan Aħab darba minnhom?
  • Ġeżabel x’tagħmel biex tieħu l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot għar-raġel tagħha, Aħab?
  • Ġeħova lil min jibgħat biex jikkastiga lil Ġeżabel?
  • Bħalma tista’ tara fl-istampa, x’jiġri meta Ġeħu jasal ħdejn il-palazz ta’ Ġeżabel?

Iktar mistoqsijiet