Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 63: Is-Sultan Għaref Salamun

Storja 63: Is-Sultan Għaref Salamun

SALAMUN għandu inqas minn 20 sena meta jsir sultan. Hu jħobb lil Ġeħova u jimxi fuq il-pariri għaqlin li tah missieru David. Ġeħova jieħu gost b’Salamun, u għalhekk lejl minnhom jgħidlu f’ħolma: ‘Salamun, xi tridni nagħtik?’

Meta jisma’ dan, Salamun iwieġeb: ‘Ġeħova, Alla tiegħi, jien għadni żgħir ħafna u ma nafx kif naħkem. Għalhekk, agħtini l-għerf biex naħkem lill-poplu tiegħek b’mod tajjeb.’

Ġeħova jieħu pjaċir b’dak li jitlob Salamun. Allura, Hu jgħid: ‘Talli tlabt għall-għerf, u mhux għal ħajja twila jew għal ħafna flus, se nagħtik iktar għerf minn kull min qatt għex. Imma wkoll se nagħtik dak li ma tlabtx għalih, kemm ġid u kemm glorja.’

Ftit wara dan, jiġu żewġ nisa għand Salamun bi problema diffiċli. Waħda minnhom tispjega: ‘Jien u din il-mara ngħixu fl-istess dar. Jien ulidt tifel, u jumejn wara hi wkoll kellha tifel. Imbagħad, lejl minnhom mititilha t-tarbija. Imma waqt li kont rieqda, tefgħet it-tarbija mejta tagħha ħdejja u ħadet it-tarbija tiegħi. Meta qomt u ħarist lejn it-tifel mejjet, rajt li ma kienx tiegħi.’

Meta tisma’ dan, il-mara l-oħra tgħid: ‘Le! It-tifel ħaj huwa tiegħi u l-mejjet hu tagħha!’ L-ewwel mara twieġeb: ‘Le! It-tifel mejjet huwa tiegħek u l-ħaj hu tiegħi!’ U hekk baqgħu sejrin in-nisa. X’se jagħmel Salamun?

Hu jibgħat għal sejf, u meta jġibuhulu, jgħid: ‘Aqsmu t-tifel il-ħaj fi tnejn u agħtu nofs lil kull mara.’

L-omm vera tgħajjat: ‘Le! Jekk jogħġbok, toqtolx lit-tifel. Agħtih lilha!’ Imma l-mara l-oħra tgħid: ‘La tagħtih lili u lanqas lilha: aqsmu min-nofs.’

Is-Sultan Salamun isolvi problema iebsa

Fl-aħħar, jitkellem Salamun u jgħid: ‘Toqtlux lit-tifel! Agħtuh lill-ewwel mara. Hi l-omm vera.’ Salamun jaf dan għax l-omm vera tant tħobb lit-tifel li hi lesta tagħtih lill-mara l-oħra biex ma jinqatilx. Meta n-nies jisimgħu dwar kif Salamun solva l-problema, huma jifirħu li għandhom sultan daqshekk għaref.

Matul il-ħakma ta’ Salamun, Alla jbierek lin-nies billi jagħmel li l-ħamrija tkabbar ħafna qamħ u xgħir, għeneb u tin, u ikel ieħor. In-nies jilbsu lbies fin u jgħixu fi djar sbieħ. Hemm iktar minn biżżejjed affarijiet tajbin għal kulħadd.

1 Slaten 3:3-28; 4:29-34.



Mistoqsijiet

  • Ġeħova x’jistaqsi lil Salamun, u dan kif iwieġeb?
  • Peress li Ġeħova togħġbu t-talba ta’ Salamun, xi jwiegħed li jagħtih?
  • Liema problema diffiċli jġibu żewġ nisa quddiem Salamun?
  • Bħalma tista’ tara fl-istampa, Salamun kif isolvi l-problema?
  • X’tip ta’ ħakma jkollu Salamun, u għala?

Iktar mistoqsijiet