WARA li David joqtol lil Gulija, il-kap tal-armata t’Iżrael, Abner, iġibu quddiem Sawl. Sawl jieħu ħafna gost b’David. Hu jagħmlu kap fl-armata tiegħu u jieħdu biex jgħix f’dar is-sultan.

Iktar tard, meta l-armata tiġi lura milli tiġġieled kontra l-Filistin, in-nisa jkantaw: ‘Sawl qatel l-eluf, imma David l-għaxriet t’eluf.’ Dan iġiegħel lil Sawl jgħir, għax David qed jiġi mfaħħar iktar minn Sawl. Imma t-tifel ta’ Sawl, Ġonatan, ma jgħirx. Hu jħobb lil David ħafna, u anki David iħobb lil Ġonatan. Għalhekk, jagħmlu wegħda lil xulxin li dejjem se jibqgħu ħbieb.

Is-Sultan Sawl qed iwaddab lanza

David jaf idoqq l-arpa tajjeb ħafna, u Sawl jieħu pjaċir bil-mużika li jdoqq. Iżda ġurnata waħda l-għira ta’ Sawl iġġiegħlu jagħmel xi ħaġa mill-agħar. Waqt li David qed idoqq l-arpa, Sawl jaqbad b’idejh il-lanza tiegħu u jwaddabha u jgħid: ‘Ħa nsammar lil David mal-ħajt!’ Imma David jersaq, u l-lanza ma tolqtux. Iktar tard Sawl jerġa’ jwaddab il-lanza lejn David imma ma jolqtux. Allura David issa jaf li jrid joqgħod attent ħafna.

Tiftakar il-wegħda li għamel Sawl? Hu qal li kien se jagħti lit-tifla tiegħu biex tkun il-mara ta’ dak li joqtol lil Gulija. Fl-aħħar, Sawl jgħid lil David li hu jista’ jieħu lil bintu Mikal, iżda l-ewwel irid joqtol 100 mill-għedewwa Filistin. Immaġina naqra! Sawl fir-realtà qed jittama li l-Filistin joqtlu lil David. Imma ma joqtluhx, u għalhekk Sawl jagħti lil bintu bħala l-mara ta’ David.

Darba waħda Sawl jgħid lil Ġonatan u lill-qaddejja kollha tiegħu li hu jrid joqtol lil David. Iżda Ġonatan jgħid lil missieru: ‘Tweġġax lil David. Hu qatt m’għamillek xi ħaġa ħażina. Anzi, kulma għamel kien t’għajnuna kbira għalik. Hu ssogra ħajtu meta qatel lil Gulija, u int rajtu dan u fraħt.’

David qed jiskansa lanza

Sawl jisma’ minn ibnu, u jwiegħed li ma jweġġax lil David. David jinġieb lura, u jerġa’ jaqdi lil Sawl f’daru bħalma kien għamel qabel. Imma ġurnata minnhom, waqt li David ikun qed idoqq il-mużika, Sawl jerġa’ jwaddab il-lanza lil David. David jersaq, u l-lanza tolqot il-ħajt. Din hi t-tielet darba! David issa jaf li jkollu jaħrab!

Dak il-lejl David imur id-dar. Iżda Sawl jibgħat lil xi rġiel biex joqtluh. Mikal taf x’bi ħsiebu jagħmel missierha. Għalhekk tgħid lir-raġel tagħha: ‘Jekk ma taħrabx il-lejla, għada tkun mejjet.’ Dak il-lejl Mikal tgħin lil David biex jaħrab minn ġo tieqa. Għal xi seba’ snin David ikollu jistaħba f’post wara l-ieħor ħalli Sawl ma jsibux.

1 Samwel 18:1-30; 19:1-18.



Mistoqsijiet

  • Sawl għala jgħir għal David, imma t-tifel ta’ Sawl, Ġonatan, kif inhu differenti?
  • X’jiġri ġurnata minnhom meta David ikun idoqq l-arpa għal Sawl?
  • Sawl x’jgħid li jrid jagħmel David biex ikun jista’ jieħu lil bint Sawl, Mikal, bħala martu, u Sawl għala jgħid dan?
  • Bħalma tista’ tara fl-istampa, meta David idoqq l-arpa għal Sawl, x’jiġri għat-tielet darba?
  • Mikal kif issalva l-ħajja ta’ David, u mbagħad xi jkollu jagħmel David għal seba’ snin?

Iktar mistoqsijiet

  • Aqra l-1 Samwel 18:1-30.

    L-imħabba li ma titkissirx ta’ Ġonatan għal David kif uriet bil-quddiem l-imħabba li hemm bejn in-“nagħaġ oħrajn” u l-“merħla żgħira”? (1 Sam. 18:1; Ġw. 10:16; Lq. 12:32; Żak. 8:23)

    Meta tqis il-fatt li Ġonatan kieku kien se jsir sultan wara Sawl, il-kliem fl-1 Samwel 18:4 kif juri sottomissjoni li tispikka min-naħa ta’ Ġonatan lejn dak li kien magħżul biex ikun is-sultan?

    L-eżempju ta’ Sawl kif juri li l-għira tista’ twassal għal dnub serju, u dan xi twissija jagħtina? (1 Sam. 18:7-925; Ġak. 3:14-16)

  • Aqra l-1 Samwel 19:1-17.

    Ġonatan kif issogra ħajtu meta ffaċċja lil Sawl? (1 Sam. 19:1, 4-6; Prov. 16:14)