Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 56: Sawl—l-Ewwel Sultan t’Iżrael

Storja 56: Sawl—l-Ewwel Sultan t’Iżrael
Samwel qed jidlek lil Sawl bħala sultan

ARA lil Samwel iferra’ ż-żejt fuq ras dan ir-raġel. Qabel hekk kienu jagħmlu biex juru li xi ħadd kien ġie magħżul bħala sultan. Ġeħova jgħid lil Samwel biex iferra’ ż-żejt fuq ras Sawl. Hu żejt speċjali li jfuħ.

Sawl ma ħasibx li kien tajjeb biżżejjed biex ikun sultan. Hu jgħid lil Samwel: ‘Jien mit-tribù ta’ Benjamin, l-iżgħar wieħed f’Iżrael. Għala qed tgħid li jien se nkun is-sultan?’ Ġeħova jħobb lil Sawl għax hu ma joqgħodx jippretendi li hu kbir u importanti. Għalhekk jagħżlu biex ikun is-sultan.

Iżda Sawl mhuwiex raġel fqir jew żgħir. Hu ġej minn familja sinjura, u hu raġel gustuż ħafna u twil. Hu xi 30 ċentimetru itwal minn kull persuna oħra f’Iżrael! Ukoll Sawl jiġri ħafna, u hu verament b’saħħtu. In-nies huma ferħanin li Ġeħova għażel lil Sawl biex ikun is-sultan. Kollha jibdew jgħajtu: ‘Ħa jgħix is-sultan!’

L-għedewwa t’Iżrael għadhom b’saħħithom bħal qabel. Huma għadhom qed joħolqu ħafna inkwiet għall-Iżraelin. Ftit wara li Sawl isir is-sultan, l-Għammonin jiġu biex jiġġieldu kontrihom. Imma Sawl jiġbor armata kbira, u jirbħilhom lill-Għammonin. In-nies issa huma ferħanin li Sawl hu s-sultan.

Hekk kif jgħaddu s-snin, Sawl imexxi lill-Iżraelin biex ikollhom ħafna rebħiet fuq l-għedewwa tagħhom. Ukoll, Sawl għandu iben kuraġġuż li jismu Ġonatan. U Ġonatan jgħin biex Iżrael jirbaħ ħafna battalji. Il-Filistin għadhom l-akbar għadu tal-Iżraelin. Jum wieħed, ħafna eluf ta’ Filistin jiġu biex jiġġieldu kontra l-Iżraelin.

Samwel jgħid lil Sawl biex jistenna sakemm jiġi u jagħmel sagrifiċċju, jew għotja, lil Ġeħova. Iżda Samwel idum biex jiġi. Sawl jibża’ li l-Filistin se jibdew il-battalja, għalhekk jaqbad u jagħmel is-sagrifiċċju hu. Meta fl-aħħar jiġi Samwel, hu jgħid lil Sawl li hu ma kienx obda. Samwel jgħidlu: ‘Ġeħova se jagħżel lil xi ħadd ieħor biex ikun sultan fuq Iżrael.’

Iktar tard Sawl jerġa’ ma jobdix. Allura, Samwel jgħidlu: ‘Hu aħjar li tobdi lil Ġeħova milli tagħmillu għotja mill-aħjar nagħaġ. Talli m’obdejtx lil Ġeħova, Hu mhux se jħallik tibqa’ s-sultan t’Iżrael.’

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni tajba minn dan. Jurina kemm hu importanti li dejjem nobdu lil Ġeħova. Ukoll, juri li xi ħadd tajjeb, kif kien Sawl, jista’ jinbidel u jsir ħażin. Aħna qatt ma rridu nsiru ħżiena, hux hekk?

1 Samwel kapitli 9 sa 11; 1 Sam. 13:5-14; 14:47-52; 15:1-35; 2 Samwel 1:23.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa x’qed jagħmel Samwel, u għala?
  • Ġeħova għala jħobb lil Sawl, u x’tip ta’ persuna hu?
  • X’jismu t-tifel ta’ Sawl, u x’jagħmel?
  • Sawl għala joffri s-sagrifiċċju minflok ma jistenna lil Samwel biex joffrih hu?
  • X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mir-rakkont dwar Sawl?

Iktar mistoqsijiet