Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 80: Il-Poplu t’Alla Jitlaq Minn Babilonja

Storja 80: Il-Poplu t’Alla Jitlaq Minn Babilonja

GĦADDEW kważi sentejn minn meta Babilonja nħatfet mill-Medi u l-Persjani. U ara x’inhu jiġri issa! Iva, l-Iżraelin ħerġin minn Babilonja. Kif inħelsu? Min ħalliehom jitilqu?

Ċiru, is-sultan tal-Persja, ħalliehom jitilqu. Ħafna qabel ma twieled Ċiru, Ġeħova ra li l-profeta tiegħu Isaija jikteb dwar Ċiru: ‘Se tagħmel eżatt dak li rridek tagħmel. Il-bibien se jitħallew miftuħin għalik biex taħtaf il-belt.’ U fil-fatt Ċiru kien il-wieħed li ħa t-tmexxija biex tinħataf Babilonja. Il-Medi u l-Persjani daħlu fil-belt bil-lejl minn bibien li tħallew miftuħin.

Imma Isaija, il-profeta ta’ Ġeħova, qal ukoll li Ċiru kien se jagħti l-kmand biex Ġerusalemm u t-tempju tagħha jerġgħu jinbnew. Ċiru ta dan il-kmand? Iva, hekk għamel. Dan hu dak li jgħid Ċiru lill-Iżraelin: ‘Morru issa lejn Ġerusalemm u ibnu t-tempju ta’ Ġeħova Alla tagħkom.’ U dan hu eżatt dak li sejrin jagħmlu dawn l-Iżraelin.

Iżraelin qed jitilqu minn Babilonja

Imma mhux l-Iżraelin kollha f’Babilonja jistgħu jagħmlu l-vjaġġ twil lura lejn Ġerusalemm. Hu vjaġġ twil ħafna t’erba’ xhur u ħafna huma xjuħ wisq jew morda wisq biex jivvjaġġaw daqshekk ’il bogħod. U hemm raġunijiet oħrajn għala xi wħud ma jmorrux. Imma Ċiru jgħid lil dawk li ma jmorrux: ‘Agħtu fidda, deheb, u għotjiet oħrajn lin-nies li se jmorru lura biex jibnu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha.’

Għalhekk, dawn l-Iżraelin li sejrin Ġerusalemm jingħataw ħafna għotjiet. Ukoll, Ċiru jagħtihom ir-reċipjenti u t-tazzi li s-Sultan Nebukadnessar kien ħa mit-tempju ta’ Ġeħova meta qered lil Ġerusalemm. In-nies għandhom ħafna x’jieħdu lura magħhom.

Wara xi erba’ xhur ta’ vvjaġġar, l-Iżraelin jaslu lura Ġerusalemm eżatt fil-ħin. Għaddew eżatt 70 sena minn meta nqerdet il-belt, u l-art tħalliet vojta għalkollox min-nies. Imma għalkemm issa l-Iżraelin marru lura f’pajjiżhom se jkollhom xi żminijiet diffiċli, bħalma se nitgħallmu dalwaqt.

Isaija 44:28; 45:1-4; Esdra 1:1-11.



Mistoqsijiet

  • Bħalma qed tara fl-istampa, x’inhuma jagħmlu l-Iżraelin?
  • Ċiru kif wettaq il-profezija li qal Ġeħova permezz t’Isaija?
  • Ċiru x’jgħidilhom lill-Iżraelin li ma jistgħux imorru lura Ġerusalemm?
  • Ċiru x’jagħtihom lin-nies biex jiħduhom magħhom Ġerusalemm?
  • Kemm idumu l-Iżraelin biex jaslu lura Ġerusalemm?
  • Kemm-il sena għaddiet minn meta l-art tħalliet vojta għalkollox min-nies?

Iktar mistoqsijiet