Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 83: Is-Swar ta’ Ġerusalemm

Storja 83: Is-Swar ta’ Ġerusalemm
Ħaddiema qed jerġgħu jibnu s-swar ta’ Ġerusalemm

ARA kemm qed isir xogħol hawnhekk. L-Iżraelin qed iħabirku biex jibnu s-swar ta’ Ġerusalemm. Meta s-Sultan Nebukadnessar qered lil Ġerusalemm 152 sena qabel, hu ġarraf is-swar u ħaraq il-bibien tal-belt. L-Iżraelin ma reġgħux bnew is-swar mill-ewwel meta ġew lura minn Babilonja.

Kif taħseb li ħassewhom in-nies minħabba li għexu hawnhekk dawn is-snin kollha mingħajr swar madwar belthom? Ma ħassewhomx fis-sigurtà. L-għedewwa tagħhom setgħu jidħlu faċilment u jattakkawhom. Imma issa dan ir-raġel Neħemija fl-aħħar qed jgħin lin-nies jerġgħu jibnu s-swar. Taf min hu Neħemija?

Neħemija hu Iżraeli mill-belt ta’ Susan, fejn jgħixu Mordekaj u Ester. Neħemija kien jaħdem fil-palazz tas-sultan, allura jista’ jkun li kien ħabib tajjeb ta’ Mordekaj u r-Reġina Ester. Imma l-Bibbja ma tgħidilniex li Neħemija kien jaħdem għar-raġel t’Ester, is-Sultan Aħasweru. Hu kien jaħdem għas-sultan ta’ warajh, is-Sultan Artaserse.

Ftakar li Artaserse hu s-sultan tajjeb li ta lil Esdra dawk il-flus kollha biex jiħodhom Ġerusalemm ħalli jsewwi t-tempju ta’ Ġeħova. Imma Esdra ma beniex is-swar imġarrfin tal-belt. Ejja naraw kif ġara li Neħemija għamel dan ix-xogħol.

Għaddew 13-il sena minn meta Artaserse ta l-flus lil Esdra biex isewwi t-tempju. Neħemija issa hu l-kuppier ewlieni tas-Sultan Artaserse. Dan ifisser li hu jservi l-inbid lis-sultan, u jaċċerta ruħu li ħadd ma jipprova jivvelena lis-sultan. Dan hu xogħol importanti ħafna.

Imbagħad, darba minnhom, ħu Neħemija, Ħanani, u rġiel oħrajn mill-art t’Iżrael jiġu jżuru lil Neħemija. Huma jgħidulu dwar l-inkwiet li qed ikollhom l-Iżraelin, u kif is-swar ta’ Ġerusalemm għadhom imġarrfin. Dan inikket ħafna lil Neħemija u hu jitlob lil Ġeħova dwaru.

Darba minnhom is-sultan jinnota li Neħemija għandu qalbu sewda, u jistaqsi: ‘Għala tidher daqshekk imnikket?’ Neħemija jgħidlu li dan hu minħabba li Ġerusalemm tinsab f’kundizzjoni tant ħażina u minħabba li s-swar huma mġarrfin. ‘X’tixtieq?’ jgħidlu s-sultan.

Neħemija qed jidderieġi x-xogħol tal-bini

‘Ħallini mmur Ġerusalemm,’ jgħid Neħemija, ‘biex nerġa’ nibni s-swar.’ Is-Sultan Artaserse hu qalbu tajba ħafna. Hu jgħid lil Neħemija li jista’ jmur, u jgħinu jikseb l-injam ħalli jagħmel ftit mix-xogħol tal-bini. Ftit wara li Neħemija jasal Ġerusalemm, hu jgħid lin-nies dwar il-pjanijiet tiegħu. Huma jieħdu gost bl-idea, u jgħidulu: ‘Ejja nibdew nibnu.’

Meta l-għedewwa tal-Iżraelin jaraw is-sur tiela’, huma jgħidu: ‘Ħa nitilgħu u noqtluhom, u nwaqqfu x-xogħol tal-bini.’ Imma Neħemija jisma’ dwar dan, u jagħti lill-ħaddiema sjuf u lanez. U hu jgħid: ‘Tibżgħux mill-għedewwa tagħna. Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom, għan-nisa tagħkom, u għal djarkom.’

In-nies huma kuraġġużi ħafna. Huma jżommu l-armi tagħhom lesti lejl u nhar, u jibqgħu jibnu. Allura fi 52 jum biss is-swar ikunu lesti. Issa n-nies jistgħu jħossuhom ħelsin mill-periklu fil-belt. Neħemija u Esdra jgħallmu lin-nies il-liġi t’Alla, u n-nies jifirħu.

Imma l-affarijiet xorta għadhom mhumiex l-istess bħalma kienu qabel ma l-Iżraelin ittieħdu bħala priġunieri lejn Babilonja. In-nies huma maħkumin mis-sultan tal-Persja u jkollhom jaqduh. Imma Ġeħova wiegħed li se jibgħat sultan ġdid, u li dan is-sultan kien se jġib il-paċi lin-nies. Min hu dan is-sultan? Kif se jġib il-paċi fuq l-art? Jgħaddu xi 450 sena qabel ma jkollhom iktar informazzjoni dwar dan. Imbagħad ikun hemm twelid importanti ħafna ta’ tarbija. Imma din hi storja oħra.

Neħemija kapitli 1 sa 6.



Mistoqsijiet

  • L-Iżraelin kif ħassewhom dwar li ma kellhomx swar madwar il-belt tagħhom ta’ Ġerusalemm?
  • Min hu Neħemija?
  • X’inhu x-xogħol ta’ Neħemija, u għala hu importanti?
  • Liema aħbar issewwed qalb Neħemija, u x’jagħmel?
  • Is-Sultan Artaserse kif juri qalb tajba ma’ Neħemija?
  • Neħemija kif jirranġa x-xogħol tal-bini b’tali mod li l-għedewwa tal-Iżraelin ma jkunux jistgħu jwaqqfuh?

Iktar mistoqsijiet