X’WAĦDA din! Jidher li Danjel jinsab f’ħafna inkwiet. Imma l-iljuni mhumiex iweġġgħuh! Taf għala? Min poġġa lil Danjel f’dan il-post ma’ dawn l-iljuni kollha? Ejja naraw.

Issa s-sultan ta’ Babilonja hu wieħed raġel jismu Darju. Hu jħobb lil Danjel ħafna għaliex Danjel hu tassew qalbu tajba u għaref. Darju jagħżel lil Danjel biex ikun ħakkiem ewlieni fis-saltna tiegħu. Dan jagħmel lil irġiel oħrajn fis-saltna jgħiru għal Danjel, allura ejja naraw x’jagħmlu.

Darju

Imorru għand Darju u jgħidu: ‘Qbilna lkoll, O sultan, li għandek tgħaddi liġi li tgħid li għal 30 jum ħadd m’għandu jitlob lil xi alla jew bniedem ħlief lilek O sultan. Jekk xi ħadd ma jobdix, għandu jintefa’ mal-iljuni.’ Darju ma jafx għala dawn l-irġiel iridu jgħaddu din il-liġi. Imma hu jaħseb li hi idea tajba, allura jgħaddi l-liġi. Issa l-liġi ma tistax tinbidel.

Meta Danjel isir jaf bil-liġi, hu jmur id-dar u jitlob, sewwasew bħalma għamel dejjem. L-irġiel ħżiena kienu jafu li Danjel ma kienx se jieqaf jitlob lil Ġeħova. Huma jifirħu għax milli jidher il-pjan tagħhom biex jeħilsu minn Danjel qed jirnexxi.

Meta s-Sultan Darju jinduna għala dawn l-irġiel riedu jgħaddu din il-liġi, hu jiddispjaċih ħafna. Imma ma jistax jibdel il-liġi. Allura jkollu jagħti l-kmand biex Danjel jintefa’ fil-ħofra tal-iljuni. Imma s-sultan jgħid lil Danjel: ‘Nittama li Alla tiegħek, li int taqdih, se jsalvak.’

Darju tant jinkwieta li ma jkunx jista’ jorqod dak il-lejl. L-għada filgħodu jmur jiġri ħdejn il-ħofra tal-iljuni. Tista’ tarah hemmhekk. Hu jgħajjat: ‘Danjel, qaddej tal-Alla l-ħaj! Irnexxielu jsalvak mill-iljuni l-Alla li int taqdi?’

Danjel fil-ħofra tal-iljuni

‘Alla bagħat l-anġlu tiegħu,’ iwieġeb Danjel, ‘u għalaq ħalq l-iljuni, allura ma weġġgħunix.’

Is-sultan jifraħ ħafna. Hu jikkmanda li Danjel jittella’ mill-ħofra. Imbagħad, hu jara li l-irġiel ħżiena li pprovaw jeħilsu minn Danjel jintefgħu fil-ħofra mal-iljuni. Saħansitra qabel ma jmissu l-qiegħ tal-ħofra, l- iljuni jaħtfuhom u jkissrulhom għadamhom kollu.

Imbagħad is-Sultan Darju jikteb lin-nies kollha fis-saltna tiegħu: ‘Nikkmanda li kulħadd għandu jirrispetta l-Alla ta’ Danjel. Hu jagħmel mirakli tal-għaġeb. Hu salva lil Danjel milli jittiekel mill-iljuni.’

Danjel 6:1-28.



Mistoqsijiet

  • Min hu Darju, u kif iqisu lil Danjel?
  • Xi rġiel għajjurin xi jwassluh biex jagħmel lil Darju?
  • Danjel x’jagħmel meta jsir jaf bil-liġi l-ġdida?
  • Darju għala tant jitnikket li ma jkunx jista’ jorqod, u x’jagħmel l-għada filgħodu?
  • Danjel kif iwieġeb lil Darju?
  • X’jiġrilhom l-irġiel ħżiena li pprovaw joqtlu lil Danjel, u Darju x’jiktbilhom lin-nies kollha fis-saltna tiegħu?

Iktar mistoqsijiet