Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 78: Kitba fuq il-Ħajt

Storja 78: Kitba fuq il-Ħajt
Kitba fuq il-ħajt

X’INHU jiġri hawn? In-nies qed jagħmlu festa kbira. Is-sultan ta’ Babilonja stieden elf mistieden importanti. Qed jużaw it-tazzi tad-deheb u l-fidda u r-reċipjenti li ttieħdu mit-tempju ta’ Ġeħova f’Ġerusalemm. Imma, f’daqqa waħda jidhru fl-arja s-swaba’ t’id ta’ raġel u jibdew jiktbu fuq il-ħajt. Kulħadd jitwerwer.

Belsassar u l-mistidnin tiegħu

Issa s-sultan hu Belsassar, in-neputi ta’ Nebukadnessar. Hu jsejjaħ lill-irġiel għorrief tiegħu biex jidħlu quddiemu. ‘Min jirnexxilu jaqra din il-kitba u jgħidli xi tfisser,’ jgħid is-sultan, ‘se jingħata ħafna rigali u jintgħamel it-tielet l-iktar ħakkiem importanti fis-saltna.’ Imma ħadd mill-irġiel għorrief ma jista’ jaqra l-kitba fuq il-ħajt, lanqas ma jistgħu jgħidulu xi tfisser.

Omm is-sultan tisma’ l-istorbju u tiġi fil-kamra tal-pranzu l-kbira. ‘Jekk jogħġbok titwerwirx b’dan il-mod,’ hi tgħid lis-sultan. ‘Hemm raġel f’saltnatek li jaf l-allat qaddisin. Meta nannuk Nebukadnessar kien sultan, hu għamlu l-kap tal-irġiel għorrief kollha tiegħu. Jismu Danjel. Ibgħat għalih, u hu jgħidlek xi jfisser dan kollu.’

Allura Danjel jinġieb mill-ewwel quddiem is-sultan. Wara li jirrifjuta kwalunkwe rigal, Danjel jibda jirrakkonta għala Ġeħova darba neħħa lin-nannu ta’ Belsassar, Nebukadnessar, milli jkun sultan. ‘Hu kien kburi ħafna,’ jgħid Danjel. ‘U Ġeħova kkastigah.’

‘Imma int,’ jgħid Danjel lil Belsassar, ‘kont taf kulma ġralu, u xorta int kburi bħalma kien Nebukadnessar. Int ġibt it-tazzi u r-reċipjenti mit-tempju taʼ Ġeħova u xrobt minnhom. Faħħart allat magħmulin mill-injam u l-ġebel, u ma tajtx unur lill-Ħallieq Grandjuż tagħna. Dan hu għala Ġeħova bagħat id biex tikteb dan il-kliem.

‘Hekk hemm miktub,’ jgħid Danjel: ‘ME′NE, ME′NE, TE′KEL u PAR′SIN.’

‘ME′NE tfisser li Alla għadd il-jiem ta’ saltnatek u ġabha fi tmiemha. TE′KEL tfisser li ntiżint fuq il-miżien u nstab li m’intix tajjeb. PAR′SIN tfisser li saltnatek tingħata lill-Medi u l-Persjani.’

Anki waqt li Danjel qed jitkellem, il-Medi u l-Persjani bdew jattakkaw lil Babilonja. Huma jaħtfu l-belt u joqtlu lil Belsassar. Il-kitba fuq il-ħajt isseħħ f’dak il-lejl stess! Imma issa x’se jiġri mill-Iżraelin? Dalwaqt niskopru, imma l-ewwel ejja naraw x’jiġri minn Danjel.

Danjel 5:1-31.



Mistoqsijiet

  • X’jiġri meta s-sultan ta’ Babilonja jagħmel festa kbira u juża t-tazzi u r-reċipjenti meħudin mit-tempju ta’ Ġeħova f’Ġerusalemm?
  • Belsassar x’jgħid lill-irġiel għorrief tiegħu, imma x’ma jistgħux jagħmlu?
  • Omm is-sultan x’tgħidlu jagħmel?
  • Skont dak li Danjel jgħid lis-sultan, Alla għala bagħat id biex tikteb fuq il-ħajt?
  • Danjel kif jispjega t-tifsir tal-kliem fuq il-ħajt?
  • X’jiġri waqt li Danjel ikun għadu qed jitkellem?

Iktar mistoqsijiet