Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IT-23 TAQSIMA

Tinxtered l-Aħbar Tajba

Tinxtered l-Aħbar Tajba

Pawlu jivvjaġġa fuq l-art u bil-baħar biex jipprietka

WARA li Pawlu kkonverta, hu bil-ħerqa ddikjara l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla—imma issa dak li qabel kien jopponi beda jiffaċċja ħafna oppożizzjoni ħarxa huwa stess. Dan l-appostlu bieżel ivvjaġġa kemm-il darba u għal distanzi twal biex jipprietka u jxerred l-aħbar tajba dwar is-Saltna li se twettaq l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin.

Meta kien Listra, matul l-ewwel vjaġġ tiegħu taʼ ppritkar, Pawlu fejjaq raġel zopp minn twelidu. Il-folol bdew jgħidu b’leħen għoli li Pawlu u sieħbu Barnaba, li kien qed jivvjaġġa miegħu, kienu allat. Iż-żewġt irġiel bilkemm setgħu jżommu n-nies milli jagħmlulhom sagrifiċċji. Madankollu, dawn l-istess folol ġew influwenzati mill-għedewwa taʼ Pawlu u ħaġġruh sakemm ħasbu li kien mejjet. Pawlu salva mill-attakk u maż-żmien reġaʼ lura lejn dik il-belt biex isaħħaħ lid-dixxipli bi kliem inkuraġġanti.

Xi Kristjani Lhud bdew jargumentaw li n-nies li kienu saru jemmnu imma li ma kinux Lhud kellhom jobdu partijiet mil-Liġi taʼ Mosè. Pawlu ppreżenta l-kwistjoni lill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm. Wara li kkunsidraw bir-reqqa l-Iskrittura u bil-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla, dawn l-irġiel kitbu lill-kongregazzjonijiet u wissewhom biex jitbiegħdu mill-idolatrija, milli jieklu d-demm u l-laħam bid-demm fih, u miż-żína. Dawn il-kmandi kienu “affarijiet neċessarji,” imma biex wieħed jobdihom ma kellux bżonn isegwi l-Liġi Mosajka.—Atti 15:28, 29.

Matul it-tieni vjaġġ tiegħu taʼ ppritkar, Pawlu żar Berea, li llum tinsab fil-Greċja. Il-Lhud li kienu jgħixu hemmhekk laqgħu l-kelma bil-ħeġġa, u kienu jeżaminaw l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk it-tagħlim tiegħu kienx veru. Għal darb’oħra kellu jitlaq minħabba l-oppożizzjoni u din id-darba mar Ateni. Quddiem grupp taʼ nies taʼ skola minn Ateni, Pawlu ta taħdita qawwija li fil-fatt hi xempju taʼ tattika, dixxerniment, u persważjoni.

Wara t-tielet vjaġġ taʼ ppritkar, Pawlu mar Ġerusalemm. Meta kien qed iżur it-tempju hemmhekk, ċerti Lhud qajmu rewwixta u riedu joqtluh. Is-suldati Rumani ħelsu lil Pawlu u interrogawh. Bħala ċittadin Ruman, hu iktar tard għamel id-difiża tiegħu quddiem il-Gvernatur Ruman Feliċ. Il-Lhud ma setgħu jippreżentaw l-ebda evidenza għall-akkużi kontra Pawlu. Sabiex Festu, gvernatur Ruman ieħor, ma jagħtihx f’idejn il-Lhud, Pawlu qal: “Nappella għal quddiem Ċesari!” Festu wieġeb: “Għand Ċesari se tmur.”—Atti 25:11, 12.

Imbagħad Pawlu ttieħed b’ġifen lejn l-Italja biex jitlaʼ l-qorti. F’dak il-vjaġġ ġarrab nawfraġju u kellu jqattaʼ x-Xitwa fil-gżira taʼ Malta. Meta fl-aħħar wasal Ruma, qagħad sentejn f’dar mikrija. Avolja kellu suldat għassa miegħu, l-appostlu tant żeluż baqaʼ jipprietka dwar is-Saltna t’Alla lil kull min kien iżuru.

—Ibbażat fuq Atti 11:22–28:31.