David u oħrajn jikkomponu għanjiet biex jintużaw fil-qima. Fil-ktieb tas-Salmi hemm miżmum il-lirika taʼ 150 minnhom

L-AKBAR ktieb fil-Bibbja huwa ġabra t’għanjiet sagri. Il-ktieb ħa xi 1,000 sena biex jitlesta kollu. Mill-espressjonijiet kollha tal-fidi li qatt tniżżlu bil-miktub, il-ktieb tas-Salmi fih xi wħud mill-iktar profondi u li jmissu l-qalb. Is-salmi jiddeskrivu varjetà kbira t’emozzjonijiet umani, minn ferħ, tifħir, u ringrazzjament sa niket, swied il-qalb, u ndiema. Jidher ċar li s-salmisti kellhom relazzjoni mill-qrib m’Alla u kienu jafdawh. Ikkunsidra xi wħud mit-temi taʼ dawn l-għanjiet.

Ġeħova bi dritt hu s-Sovran, u jistħoqqlu li jkun meqjum u mfaħħar. “Int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha,” naqraw f’Salm 83:18. Diversi salmi jfaħħru lil Ġeħova għall-għemejjel tiegħu tal-ħolqien, bħas-smewwiet mimlijin kwiekeb, l-għeġubijiet tal-ħajja fuq l-art, u l-meravilji tal-ġisem uman. (Salmi 8, 19, 139, 148) Oħrajn jagħtu glorja lil Ġeħova bħala Alla li jaġixxi biex isalva u jipproteġi lil dawk leali lejh. (Salmi 18, 97, 138) Jerġaʼ oħrajn ifaħħruh bħala l-Alla tal-ġustizzja, li jserraħ lill-maħqurin u jikkastiga lil dawk mill-agħar.—Salmi 11, 68, 146.

Ġeħova jgħin u jfarraġ lil dawk li jħobbuh. Forsi l-iktar salm famuż hu t-23 wieħed, li fih David jiddeskrivi lil Ġeħova bħala Ragħaj taʼ mħabba, li jiggwida, jipproteġi, u jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu. Salm 65:2 ifakkar lil dawk li jqimu lil Alla illi Ġeħova hu “Semmiegħ it-talb.” Ħafna li għamlu dnubiet serji sabu faraġ kbir f’Salmi 39 u 51, fejn David jiddeskrivi sinċerament l-indiema tiegħu għal żbalji serji u jesprimi l-fidi tiegħu fil-maħfra taʼ Ġeħova. Salm 55:22 iħeġġiġna nafdaw f’Ġeħova u nixħtu Fuqu t-toqol persunali kollu tagħna.

Ġeħova se jbiddel id-dinja permezz tas-Saltna tal-Messija. Għadd taʼ siltiet fis-Salmi japplikaw b’mod ċar għall-Messija, is-Sultan imbassar. Salm 2 jipprofetizza li dan il-Ħakkiem se jeqred lill-ġnus mill-agħar, li jopponuh. Salm 72 juri li dan is-Sultan se jtemm il-ġuħ, l-inġustizzji, u l-moħqrija. Skont Salm 46:9, permezz tas-Saltna tal-Messija, Alla se jtemm il-gwerer u saħansitra jeqred l-armi kollha tal-gwerra. F’Salm 37 naqraw li l-ħżiena se jgħibu, filwaqt li n-nies ġusti se jgħixu fuq l-art għal dejjem u jgawdu paċi u armonija mad-dinja kollha.

—Ibbażat fuq il-ktieb tas-Salmi.