Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-15-IL TAQSIMA

Profeta fl-Eżilju Jirċievi Viżjonijiet tal-Futur

Profeta fl-Eżilju Jirċievi Viżjonijiet tal-Futur

Danjel jipprofetizza dwar is-Saltna t’Alla u l-miġja tal-Messija. Taqaʼ Babilonja

DANJEL, żagħżugħ b’integrità li tispikka, ittieħed fl-eżilju f’Babilonja qabel ma nqerdet Ġerusalemm. Hu u xi Lhud oħrajn—eżiljati mis-saltna mirbuħa taʼ Ġuda—ngħataw ċertu ammont taʼ libertà minn dawk li qabduhom. Matul il-ħajja twila tiegħu f’Babilonja, Danjel ġie mbierek ferm minn Alla, billi saħansitra skansa l-mewt f’ħofra tal-iljuni u rċieva viżjonijiet li bihom setaʼ jara l-futur imbiegħed. L-iktar profeziji importanti taʼ Danjel iffokaw fuq il-Messija u l-ħakma Tiegħu.

Danjel isir jaf meta kellu jasal il-Messija. Lil Danjel intqallu meta l-poplu t’Alla setaʼ jistenna l-wasla tal-“Messija l-Mexxej”—69 “ġimgħa” wara li joħroġ il-kmand biex is-swar taʼ Ġerusalemm jiġu restawrati u mibnijin mill-ġdid. Dawn il-ġimgħat ma kinux ġimgħat normali taʼ sebat ijiem, imma ġimgħat profetiċi taʼ sebaʼ snin. Dan il-kmand ħareġ ħafna snin wara żmien Danjel, jiġifieri, fis-sena 455 Q.E.K. Minn dik id-data bdew id-69 “ġimgħa” li damu 483 sena, u ntemmew fis-sena 29 E.K. Fil-parti li jmiss taʼ din il-pubblikazzjoni, se naraw x’ġara f’dik is-sena. Danjel ra bil-quddiem ukoll li l-Messija kien se “jinqatel,” biex ipatti għad-dnub.—Danjel 9:24-26.

Il-Messija kellu jsir Sultan fis-sema. F’viżjoni rari tas-sema stess, Danjel ra lill-Messija, imsemmi bħala “xi ħadd bħal bin il-bniedem,” jersaq qrib it-tron taʼ Ġeħova nnifsu. Ġeħova tah “ħakma, dinjità, u saltna.” Din is-Saltna kienet se tibqaʼ għal dejjem. Danjel sar jaf dettall eċċitanti ieħor dwar is-Saltna Messjanika—is-Sultan kien se jkollu oħrajn jaħkmu miegħu, grupp li rrefera għalih bħala “l-qaddisin tas-Suprem.”—Danjel 7:13, 14, 27.

Is-Saltna se teqred il-gvernijiet taʼ din id-dinja. Alla ta lil Danjel l-abbiltà li jinterpreta ħolma li kkonfondiet lil Nebukadnessar, is-sultan taʼ Babilonja. Is-sultan kien ra xbieha ġganteska b’ras tad-deheb, sider u dirgħajn tal-fidda, żaqq u koxxtejn tar-ram aħmar, riġlejn tal-ħadid, u saqajn tal-ħadid imħallat mat-tafal. Inqatgħet ġebla minn muntanja u laqtet ix-xbieha fuq is-saqajn fraġli tagħha u farrkitha u għamlitha trab. Danjel spjega li l-partijiet tax-xbieha kienu jirrappreżentaw ħafna qawwiet dinjin li ġew waħda wara l-oħra, billi bdew minn Babilonja bħala r-ras tad-deheb. Danjel ra bil-quddiem kif fiż-żmien meta l-aħħar qawwiet kienu se jkunu qed jaħkmu din id-dinja mill-agħar, is-Saltna t’Alla kellha taġixxi. Kienet se tfarrak il-gvernijiet kollha taʼ din id-dinja. Imbagħad kellha tibqaʼ taħkem għal dejjem.—Danjel kapitlu 2.

Danjel xjaħ imma kien għadu ħaj meta waqgħet Babilonja. Is-Sultan Ċiru rebaħ il-belt eżatt bħalma kienu bassru l-profeti. Ftit wara, il-Lhud sa fl-aħħar inħelsu mill-eżilju tagħhom—preċiż f’waqtu, wara s-70 sena li arthom kienet ilha ħerba kif kien imbassar. Immexxijin minn gvernaturi, qassisin, u profeti leali, il-Lhud maż-żmien bnew lil Ġerusalemm mill-ġdid u rrestawraw it-tempju taʼ Ġeħova. Iżda, x’kien se jiġri wara l-483 sena?

Ibbażat fuq il-ktieb taʼ Danjel.