Ġeħova jagħti lis-Sultan Salamun qalb għarfa; matul ir-renju taʼ Salamun, l-Israelin igawdu paċi u ġid abbundanti

KIF tkun il-ħajja kieku ġens sħiħ u l-ħakkiem tiegħu jsegwu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħhom u jobdu l-liġijiet Tiegħu? It-tweġiba ntweriet matul ir-renju taʼ 40 sena tas-Sultan Salamun.

Qabel ma miet, David ħatar lil ibnu Salamun bħala s-suċċessur tiegħu. F’ħolma, Alla stieden lil Salamun jgħidlu xi jrid. Salamun talab għall-għerf u l-għarfien biex jiġġudika lill-poplu b’mod ġust u għaqli. Ġeħova ħa pjaċir b’dan u ta lil Salamun qalb għarfa u li tifhem. Ġeħova wiegħdu wkoll għana, glorja, u ħajja twila jekk jibqaʼ jobdih.

Salamun sar famuż għall-ġudizzji li kien jagħmel bl-għerf. F’każ minnhom, żewġ nisa kienu qed jiġġieldu dwar tarbija tifel, billi t-tnejn li huma sostnew li kienu ommu. Salamun ordna li t-tifel jiġi maqsum fi tnejn u li kull mara tingħata nofsu. L-ewwel mara qablet, imma l-omm vera mill-ewwel talbet bil-ħniena li t-tifel jingħata lill-mara l-oħra. Salamun issa setaʼ jara ċar li l-mara li wriet mogħdrija kienet l-omm u taha t-tifel. Israel kollu malajr semaʼ b’din id-deċiżjoni ġudizzjarja, u n-nies għarfu li l-għerf t’Alla kien f’Salamun.

Waħda mill-akbar affarijiet li wettaq Salamun kienet il-bini tat-tempju taʼ Ġeħova—bini grandjuż f’Ġerusalemm li kellu jservi bħala l-post prinċipali għall-qima f’Israel. Fl-inawgurazzjoni tat-tempju, Salamun talab: “Ara! Is-smewwiet infushom, iva, is-sema tas-smewwiet, ma jesgħukx; kemm inqas, mela, din id-dar li bnejt jien!”—1 Slaten 8:27.

Ir-reputazzjoni taʼ Salamun inxterdet f’pajjiżi oħrajn, saħansitra sa Xeba, fl-Arabja. Is-sultana taʼ Xeba vvjaġġat biex tara l-glorja u r-rikkezzi taʼ Salamun u biex issir taf kemm kien għaref. Is-sultana tant baqgħet impressjonata bl-għerf taʼ Salamun u l-ġid kbir taʼ Israel li faħħret lil Ġeħova talli poġġa sultan għaref bħal dan fuq it-tron. Tabilħaqq, bil-barka taʼ Ġeħova, il-ħakma taʼ Salamun kienet l-iktar waħda mimlija ġid u paċi fl-istorja taʼ Israel tal-qedem.

B’dispjaċir, Salamun ma baqax jaġixxi fi qbil mal-għerf taʼ Ġeħova. Hu injora l-kmand t’Alla u żżewweġ mijiet taʼ nisa, inkluż ħafna li kienu jqimu allat barranin. In-nisa tiegħu bil-mod il-mod dawrulu qalbu ’l bogħod minn Ġeħova u beda jqim lill-idoli. Ġeħova qal lil Salamun li parti mis-saltna kienet se tiċċarrat minn idu u tittiħidlu. Alla qal li l-familja tiegħu kienet se żżomm porzjon biss minħabba David, missier Salamun. Minkejja li Salamun ma baqax ubbidjenti, Ġeħova baqaʼ leali lejn il-patt għal Saltna li għamel maʼ David.

Ibbażat fuq l-1 Slaten kapitli 1 sa 11; 2 Kronaki kapitli 1 sa 9; Dewteronomju 17:17.