Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IS-16-IL TAQSIMA

Jasal il-Messija

Jasal il-Messija

Ġeħova jidentifika lil Ġesù taʼ Nazaret bħala l-Messija li kien ilu mwiegħed

KIEN Ġeħova se jgħin lin-nies jidentifikaw lill-Messija mwiegħed? Iva. Ikkunsidra x’għamel Alla. Kienu għaddew xi erbaʼ sekli mindu tlestiet l-Iskrittura Ebrajka. F’belt jisimha Nazaret, fir-reġjun tal-Galilija fit-Tramuntana, mara żagħżugħa jisimha Marija kellha żjara mhix mistennija. Dehrilha anġlu jismu Gabrijel u qalilha li Alla kien se juża l-forza attiva tiegħu, l-ispirtu qaddis tiegħu, biex hi tiled iben, għalkemm kienet verġni. Dan l-iben kellu jsir is-Sultan li kien ilu mwiegħed, dak li kellu jaħkem għal dejjem! Dan l-iben kien se jkun Bin Alla stess, u Alla kellu jittrasferixxi lil ħajja taʼ Ibnu mis-smewwiet għal ġol-ġuf taʼ Marija.

B’umiltà, Marija aċċettat dan l-inkarigu grandjuż. L-għarus tagħha, mastrudaxxa jismu Ġużeppi, iżżewwiġha wara li Alla bagħat anġlu biex jiżgurah dwar kif Marija ħarġet tqila. Iżda, xi ngħidu għall-profezija li qalet li l-Messija kellu jitwieled f’Betlehem? (Mikea 5:2) Din il-belt ċkejkna kienet mal-150 kilometru ’l bogħod!

Ċertu ħakkiem Ruman ħareġ digriet biex isir ċensiment. In-nies kellhom imorru jirreġistraw fil-belt fejn kienu twieldu. Jidher li kemm Ġużeppi u kemm Marija kienu minn Betlehem, u għalhekk Ġużeppi ħa lil martu, li kienet tqila, lejn dik il-belt. (Luqa 2:3) Marija wildet lit-tifel fi stalla sempliċi, u qegħditu f’maxtura. Imbagħad Alla bagħat anġlu biex jgħid lil grupp taʼ rgħajja fuq l-għoljiet li t-tifel li kien għadu kemm twieled kien il-Messija, jew Kristu, imwiegħed.

Iktar tard, kien hemm oħrajn li xehdu li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. Il-profeta Isaija kien bassar li kellu jiġi wieħed li jħejji t-triq għax-xogħol importanti ferm tal-Messija. (Isaija 40:3) Dan kien Ġwanni l-Battista. Meta ra lil Ġesù, hu stqarr: “Ara, il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!” Xi wħud mid-dixxipli taʼ Ġwanni bdew jimxu wara Ġesù minnufih. Wieħed minnhom qal: “Sibna ’l-Messija.”—Ġwanni 1:29, 36, 41.

Kien hemm iktar xhieda. Meta Ġwanni għammed lil Ġesù, Ġeħova nnifsu tkellem mis-sema. Permezz tal-ispirtu qaddis, hu ħatar lil Ġesù bħala l-Messija u qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) Il-Messija li kien ilu mwiegħed kien wasal!

Dan meta ġara? Fis-sena 29 E.K., eżatt meta għaddew l-483 sena mbassrin minn Danjel. Iva, din hi parti mill-evidenza kbira li turi ċar li Ġesù hu l-Messija, jew Kristu. Iżda x’messaġġ kellu jxandar waqt li kien fuq l-art?

—Ibbażat fuq Mattew kapitli 1 sa 3; Marku kapitlu 1; Luqa kapitlu 2; Ġwanni kapitlu 1.