Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 L-1 TAQSIMA

Il-Ħallieq jagħti ġenna tal-art lill-Bniedem

Il-Ħallieq jagħti ġenna tal-art lill-Bniedem

Alla joħloq l-univers fiżiku u l-ħajja fuq l-art; hu joħloq koppja perfetta, ipoġġihom fi ġnien sabiħ, u jagħtihom kmandi biex jobduhom

INTQAL li l-kliem li ġej hu l-iktar kliem tal-ftuħ magħruf li qatt inkiteb. “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) B’din is-sentenza sempliċi u grandjuża, il-Bibbja tintroduċina mal-Persunaġġ l-iktar importanti fl-Iskrittura Mqaddsa—l-Alla li jistaʼ kollox, Ġeħova. L-ewwel vers tal-Bibbja jikxef li Alla hu l-Ħallieq tal-univers fiżiku vast, inkluż il-pjaneta li ngħixu fuqha aħna. Il-versi taʼ wara jispjegaw li matul serje taʼ perijodi twal, b’mod figurattiv imsejħin jiem, Alla beda jipprepara l-art bħala d-dar tagħna, billi ħalaq l-għeġubijiet kollha tad-dinja naturali tagħna.

L-aqwa ħolqien t’Alla fuq l-art kien il-bniedem. Dan kien ħliqa magħmula fix-xbieha t’Alla—kapaċi jirrifletti l-kwalitajiet persunali taʼ Ġeħova stess, bħall-imħabba u l-għerf tiegħu. Alla għamel lir-raġel mit-trab tal-art. Alla semmieh Adam, u mbagħad qiegħdu f’ġenna tal-art—il-ġnien tal-Għeden. Alla nnifsu ħawwel dak il-ġnien, billi mlieh b’siġar sbieħ u produttivi.

Alla ra l-bżonn li l-bniedem ikollu sieħba. Billi uża waħda mill-kustilji t’Adam, Alla għamel mara u ħadha għand ir-raġel u tahielu bħala martu. Iktar tard issemmiet Eva. Ferħan se jtir, Adam esprima ruħu bil-kliem poetiku: “Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” Alla spjega: “Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:22-24; 3:20.

Alla ta lil Adam u Eva żewġ kmandi. L-ewwel, hu qalilhom biex jikkultivaw u jieħdu ħsieb id-dar tagħhom, l-art, u maż-żmien jimlewha b’nisilhom. It-tieni, qalilhom biex ma jiklux mill-frott taʼ siġra waħda biss f’dak il-ġnien vast kollu, mis-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 2:17) Jekk ma kinux se jobdu kienu se jmutu. B’dawn il-kmandi, Alla ta lir-raġel u lill-mara mod kif juru li jaċċettawh bħala l-Ħakkiem tagħhom. L-ubbidjenza tagħhom kienet se turi wkoll l-imħabba u l-gratitudni tagħhom. Kellhom kull raġuni biex jaċċettaw it-tmexxija tiegħu tant ħanina. Ma kien hemm l-ebda difett f’dawn il-bnedmin perfetti. Il-Bibbja tgħidilna: “Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31.

—Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 1 u 2.