Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IT-2 TAQSIMA

Il-Ġenna tal-Art Mitlufa

Il-Ġenna tal-Art Mitlufa

Anġlu li rribella jinfluwenza lill-ewwel raġel u mara, Adam u Eva, biex jirrifjutaw il-ħakma t’Alla. Minħabba f’hekk, id-dnub u l-mewt jidħlu fid-dinja

ĦAFNA qabel ma ħalaq lill-bnedmin, Alla ħalaq ħafna ħlejjaq spirti inviżibbli—l-anġli. Fl-Għeden, anġlu ribelluż, li sar magħruf bħala Satana x-Xitan, b’makakkerija għamel ħiltu biex iħajjar lil Eva ħalli tiekol mill-frott tal-unika siġra projbita minn Alla.

Billi nqeda b’serp biex ikellimha, Satana sostna li Alla kien qed iċaħħad lill-mara u lil żewġha minn xi ħaġa mixtieqa. L-anġlu qal lil Eva li hi u r-raġel tagħha ma kinux se jmutu jekk jieklu mill-frott projbit. B’hekk, Satana akkuża lil Alla li gideb lill-ulied Tiegħu l-bnedmin. Il-Qarrieq ippreżenta d-diżubbidjenza lejn Alla bħala xi ħaġa attraenti li kienet se twassal għal għarfien speċjali u libertà. Imma din ma kienet xejn ħlief gidba—fil-fatt, kienet l-ewwel gidba li qatt intqalet fuq l-art. Il-veru qofol tal-kwistjoni kienet tinvolvi s-sovranità, jew il-ħakma suprema, t’Alla—jekk Alla għandux id-dritt li jaħkem u jekk jaħkimx b’mod ġust u fl-aħjar interessi tas-sudditi tiegħu.

Eva emmnet il-gidba taʼ Satana. Bdiet tixxennaq għall-frott, u mbagħad spiċċat biex kielet minnu. Iktar tard, tat ftit lil żewġha, u hu wkoll kiel minnu. B’hekk, saru midinbin. Dan l-att li jidher li mhu xejn fil-fatt kien espressjoni taʼ ribelljoni. Billi minn jeddhom għażlu li ma jobdux il-kmand t’Alla, Adam u Eva ċaħdu l-ħakma tal-Ħallieq li kien tahom kollox, inkluż ħajja perfetta.

In-nisel “jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”Ġenesi 3:15

Alla talab kont mir-ribelli għall-azzjonijiet tagħhom. Hu wiegħed il-miġja tan-Nisel, jew Ħellies, li kellu jeqred lil Satana, il-wieħed rappreżentat mis-serp. Alla ma wettaqx mill-ewwel is-sentenza tal-mewt li kien ta lil Adam u Eva, u b’hekk wera ħniena mad-dixxendenti tagħhom li kienu għadhom ma twildux. Dawn l-ulied kien se jkollhom bażi għal tama għax Dak li Alla kien se jibgħat kellu jġib fix-xejn il-konsegwenzi traġiċi li rriżultaw mill-irvell fl-Għeden. Bil-mod il-mod, hekk kif kompliet tinkiteb il-Bibbja, ġie rivelat eżattament kif kien se jitwettaq l-iskop t’Alla dwar dan is-Salvatur li kellu jiġi fil-futur—u dwar min kien se jkun Dan il-mibgħut.

Alla keċċa lil Adam u Eva mill-Ġenna tal-art. Kien bl-għaraq taʼ ġbinhom u b’taħbit kbir li kellhom imantnu lilhom infushom billi jikkultivaw il-ħamrija barra l-ġnien tal-Għeden. Imbagħad, Eva ħarġet tqila u wildet lil Kajjin, l-ewwel iben t’Adam u Eva. Il-koppja kellha wlied subien u bniet oħrajn, fosthom Abel u Set, l-antenat taʼ Noè.

—Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 3 sa 5; Rivelazzjoni 12:9.