Ġesù jsemmi xi fatturi li se jimmarkaw il-preżenza tiegħu bil-qawwa tas-saltna u l-konklużjoni taʼ din is-sistema dinjija

FUQ il-Muntanja taż-Żebbuġ, b’veduta mill-isbaħ taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha taħthom, erbgħa mill-appostli taʼ Ġesù fil-privat staqsewh dwar xi affarijiet li kien qal. Ġesù kien għadu kif qal li t-tempju f’Ġerusalemm kellu jinqered. U iktar qabel kien qalilhom dwar “il-konklużjoni tas-sistema.” (Mattew 13:40, 49) Issa l-appostli jistaqsuh: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?”—Mattew 24:3.

Fit-tweġiba tiegħu, Ġesù qal x’kellu jiġri qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm. Imma kliemu kien jirreferi għal iktar minn hekk. Il-profezija tiegħu kien se jkollha twettiq akbar iktar ’il quddiem mad-dinja kollha. Ġesù pprofetizza dwar diversi ġrajjiet u kundizzjonijiet fid-dinja li flimkien kienu se jifformaw sinjal. Dan is-sinjal kellu juri lin-nies fuq l-art li l-preżenza taʼ Ġesù bħala Sultan fis-sema kienet bdiet. Fi kliem ieħor, is-sinjal kien se jindika li Alla Ġeħova jkun għamel lil Ġesù s-Sultan tas-Saltna Messjanika li tant kienet ilha mwiegħda. Is-sinjal kien se jfisser li s-Saltna kienet waslet biex tneħħi l-ħażen u ġġib paċi vera lill-umanità. B’hekk, l-affarijiet li bassar Ġesù kellhom jindikaw l-aħħar jiem tas-sistema qadima—is-sistemi reliġjużi, politiċi, u soċjali li jeżistu bħalissa—u l-bidu taʼ sistema ġdida.

Meta kien qed jispjega x’kien se jiġri fuq l-art matul il-preżenza tiegħu bħala Sultan fis-sema, Ġesù qal li kellu jkun hemm gwerer internazzjonali, nuqqas taʼ ikel, terremoti kbar, u mard li jinfirex maʼ kullimkien. Il-ħażen kien se jiżdied. Id-dixxipli veri taʼ Ġesù kellhom jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla madwar l-art kollha. Dawn l-affarijiet kollha kellhom jilħqu l-quċċata tagħhom fi “tribulazzjoni kbira” li qatt ma kien hawn bħalha qabel.—Mattew 24:21.

Is-segwaċi taʼ Ġesù kif kellhom ikunu jafu li din it-tribulazzjoni hi fil-qrib? “Tgħallmu . . . mis-siġra tat-tin,” qal Ġesù. (Mattew 24:32) Id-dehra tal-weraq fuq il-friegħi tat-tina kienet sinjal ċar li jkun qorob is-sajf. Bl-istess mod, meta dawn l-affarijiet kollha li bassar Ġesù kienu se jseħħu fl-istess perijodu taʼ żmien kellu jkun sinjal ċar li t-tmiem kien fil-qrib. Ħadd ħlief il-Missier ma kien jaf il-jum u s-siegħa eżatta meta kienet se tibda t-tribulazzjoni l-kbira. Għalhekk, Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit.”—Marku 13:33.

—Ibbażat fuq Mattew kapitli 24 u 25; Marku kapitlu 13; Luqa kapitlu 21.

^ par. 14 Għal diskussjoni iktar bid-dettall dwar il-profezija taʼ Ġesù, ara kapitlu 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.