Familjari int mal-Bibbja? Bla dubju dan il-ktieb uniku huwa l-iktar ktieb li tqassam matul l-istorja. Nies minn kull kultura sabu li l-messaġġ tagħha huwa sors taʼ faraġ u tama, u li l-pariri tagħha huma prattiċi għall-ħajja taʼ kuljum. Madankollu, ħafna llum ftit li xejn jafu dwar il-Bibbja. Kemm jekk int reliġjuż u kemm jekk le, għandek mnejn tkun kurjuż dwarha. L-iskop taʼ dan il-browxer hu li jagħtik għarfien bażiku dwar dak li hemm fil-Bibbja.

QABEL ma tibda taqra l-Bibbja, tajjeb li tkun taf xi fatti dwar dan il-ktieb. Il-Bibbja, magħrufa wkoll bħala l-Iskrittura Mqaddsa, fil-fatt hija ġabra taʼ 66 ktieb, jew sezzjoni, li tibda b’Ġenesi u tispiċċa b’Rivelazzjoni, jew Apokalissi.

Min hu l-awtur tal-Bibbja? Din hija mistoqsija interessanti ħafna. Il-fatt hu li l-Iskrittura nkitbet minn xi 40 raġel fuq medda taʼ madwar 1,600 sena. Ta’ min jinnota li dawn l-irġiel qatt ma sostnew li huma kienu l-awturi tal-Bibbja. Wieħed minn dawn il-kittieba kiteb: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Kittieb ieħor qal: “L-ispirtu taʼ Ġeħova kien li tkellem bija, u kelmtu kienet fuq ilsieni.” (2 Samwel 23:2) B’hekk, il-kittieba sostnew li Alla Ġeħova, il-Ħakkiem Suprem tal-univers, huwa l-Awtur tal-Bibbja. Il-kittieba rrivelaw li Alla jrid li l-bnedmin ikunu jistgħu jersqu qrib lejh.

Hemm xi ħaġa oħra li hi essenzjali biex tgħinek tifhem il-Bibbja. L-Iskrittura għandha tema ġenerali waħda: il-vindikazzjoni tad-dritt t’Alla li jaħkem fuq l-umanità permezz tas-Saltna tiegħu tas-sema. Fil-paġni li ġejjin se tara kif din it-tema tidher f’kull parti tal-Bibbja, minn Ġenesi sa Rivelazzjoni.

B’dan f’moħħok, issa kkunsidra l-messaġġ li hemm fl-iktar ktieb popolari fid-dinja—il-Bibbja.

^ par. 9 Hemm diversi modi kif tirreferi għad-dati. F’dan il-browxer, E.K. tfisser “Era Komuni” u Q.E.K. tfisser “Qabel l-Era Komuni.” Dawn se jidhru fil-linja kronoloġika fin-naħa t’isfel taʼ kull paġna.