Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IT-12-IL TAQSIMA

L-Għerf Minn Alla Jipprovdi Gwida għall-Ħajja

L-Għerf Minn Alla Jipprovdi Gwida għall-Ħajja

Il-ktieb tal-Proverbji hu ġabra taʼ pariri mnebbħin—il-biċċa l-kbira miktubin minn Salamun—li jipprovdu gwida għall-ħajja taʼ kuljum

HUWA Ġeħova Ħakkiem għaref? Mod importanti kif inwieġbu din il-mistoqsija hu billi nikkunsidraw il-pariri tiegħu. Jaħdmu dawn? Veru li l-ħajja tkun aħjar u jkollha iktar skop jekk jiġu applikati? L-għaref Sultan Salamun kiteb mijiet taʼ proverbji. Dawn jolqtu kważi kull aspett tal-ħajja. Ikkunsidra xi eżempji.

Fiduċja f’Alla. Il-fiduċja hija vitali sabiex ikollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Salamun kiteb: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Meta nafdaw f’Alla billi nfittxu l-gwida tiegħu u nobduh, ħajjitna jkollha skop veru. Jekk bniedem jagħmel dan, ikun jistaʼ jferraħ qalb Alla u jagħti lil Ġeħova tweġiba għall-kwistjonijiet li qajjem l-għadu Tiegħu, Satana.—Proverbji 27:11.

Nużaw l-għerf meta nittrattaw m’oħrajn. Il-pariri t’Alla għall-irġiel u n-nisa miżżewġin u t-tfal huma f’waqthom illum iktar minn qatt qabel. “Ifraħ b’mart żgħożitek,” jgħid Alla lir-raġel, u b’hekk iħeġġu biex jibqaʼ leali lejn martu. (Proverbji 5:18-20) Fil-ktieb tal-Proverbji n-nisa miżżewġin isibu deskrizzjoni sabiħa taʼ mara kapaċi li tirbaħ l-ammirazzjoni taʼ żewġha u wliedha. (Proverbji, kapitlu 31) U t-tfal jintqalilhom biex jobdu lill-ġenituri tagħhom. (Proverbji 6:20) Dan il-ktieb juri wkoll kemm huma importanti l-ħbiberiji, għaliex jekk wieħed jinqataʼ għalih isir egoist. (Proverbji 18:1) Il-ħbieb jistgħu jinfluwenzawna għat-tajjeb jew għall-ħażin, u għalhekk jeħtieġ li nagħżluhom bil-għaqal.—Proverbji 13:20; 17:17.

Ħu ħsieb tiegħek innifsek bl-għerf. Il-ktieb tal-Proverbji fih pariri prezzjużi dwar li nevitaw l-abbuż tal-alkoħol, li niżviluppaw sentimenti li għandhom effett tajjeb fuq saħħitna u niġġieldu dawk li jeqirduha, u li nkunu ħaddiema beżlin. (Proverbji 6:6; 14:30; 20:1) Iwissi li jekk nafdaw fil-ġudizzju uman mingħajr ma nqisu l-pariri t’Alla se jkun taʼ diżastru għalina. (Proverbji 14:12) Iħeġġiġna biex inħarsu lil qalbna, il-persuna li aħna minn ġewwa, biex ma tiġix influwenzata minn affarijiet li jħassruha, u jfakkarna li mill-qalb “ġejjin is-sorsi tal-ħajja.”—Proverbji 4:23.

Miljuni taʼ nies madwar id-dinja kollha sabu li billi jsegwu dawn il-pariri jkollhom ħajja aħjar. Għaldaqstant, għandhom mitt elf raġun biex jaċċettaw lil Ġeħova bħala l-Ħakkiem tagħhom.

—Ibbażat fuq il-ktieb tal-Proverbji.