Abraham jobdi lil Alla bil-fidi, u Ġeħova jwiegħdu li jbierku u li jkattar lid-dixxendenti tiegħu

KIENU għaddew xi 350 sena mid-Dilluvju taʼ żmien Noè. Il-patrijarka Abraham kien qed jgħix fil-belt t’Ur, li kienet belt sinjura. (Din il-belt antika kienet tinsab fl-inħawi li llum jagħmlu parti mill-Iraq.) Abraham kien raġel li kellu fidi li tispikka. Imma issa l-fidi tiegħu kienet se tiġi mġarrba.

Ġeħova qal lil Abraham biex iħalli art twelidu u jmur joqgħod f’art barranija, li spiċċat biex kienet Kangħan. Abraham obda minnufih. Hu ħa miegħu lin-nies taʼ daru, inkluż lil martu, Sara, u lil neputih Lot, u wara l-vjaġġ twil beda jgħix fit-tined f’Kangħan. F’patt li Hu għamel m’Abraham, Ġeħova wiegħed li jagħmel ġens kbir minnu, li l-familji kollha tal-art kienu se jitbierku permezz tiegħu, u li nislu kien se jingħata l-art taʼ Kangħan.

Abraham u Lot stagħnew u kellhom imrieħel kbar taʼ nagħaġ u baqar. Bla egoiżmu, Abraham ħalla lil Lot jagħżel liema territorju xtaq għalih. Lot għażel id-distrett fertili tax-Xmara Ġordan u mar jgħix qrib il-belt taʼ Sodoma. Però, in-nies taʼ Sodoma kienu immorali—nies li kienu jidinbu ħafna kontra Ġeħova.

Iktar tard, Alla Ġeħova assigura lil Abraham li nislu kien se jsir kotran daqs il-kwiekeb tas-sema. Abraham poġġa l-fidi f’din il-wegħda. Madankollu, Sara, il-mara għażiża t’Abraham, baqgħet bla tfal. Imbagħad, meta Abraham kellu 99 sena u Sara kienet qorbot id-90, Alla qal lil Abraham li hu u Sara kien se jkollhom iben. Eżatt kif kien qal Alla, Sara wildet lil Iżakk. Abraham kellu tfal oħrajn, imma l-Ħellies imwiegħed fl-Għeden kellu jiġi permezz taʼ Iżakk.

Sadanittant, Lot u l-familja tiegħu kienu qed jgħammru f’Sodoma, imma r-raġel ġust Lot ma sarx bħall-abitanti immorali taʼ dik il-belt. Meta Ġeħova ddeċieda li jġib ġudizzju fuq Sodoma, bagħat lil xi anġli qabel biex iwissu lil Lot dwar il-qerda li kienet ġejja dalwaqt. L-anġli ħeġġew lil Lot u lil familtu biex jaħarbu minn Sodoma u ma jħarsux lura. Alla mbagħad bagħat xita taʼ nar u kubrit fuq Sodoma u Gomorra, il-belt ħażina li kienet fil-qrib, u qered l-abitanti kollha tagħhom. Lot u ż-żewġ uliedu bniet ħarbu. Imma mart Lot ħarset lura, forsi għax bdiet tixxennaq għall-affarijiet li ħalliet warajha. Din id-diżubbidjenza switilha ħajjitha.

—Ibbażat fuq Ġenesi 11:10–19:38.