Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 L-14-IL TAQSIMA

Alla Jitkellem Permezz tal-Profeti Tiegħu

Alla Jitkellem Permezz tal-Profeti Tiegħu

Ġeħova jaħtar profeti biex iwasslu messaġġi dwar il-ġudizzji, il-qima vera, u t-tama Messjanika

MATUL il-perijodu tas-slaten taʼ Israel u Ġuda, beda jispikka grupp speċjali taʼ rġiel—il-profeti. Dawn kienu rġiel b’fidi u kuraġġ straordinarju li għaddew il-kliem t’Alla lil oħrajn. Ikkunsidra erbaʼ suġġetti importanti li tkellmu dwarhom il-profeti t’Alla.

1. Il-qerda taʼ Ġerusalemm. Minn ħafna żmien qabel, il-profeti t’Alla—b’mod partikulari Isaija u Ġeremija—bdew iwissu li Ġerusalemm kienet se tinqered u tiġi abbandunata. Bi kliem ċar, huma wrew għala Alla kien irrabjat magħhom. L-abitanti taʼ Ġerusalemm kienu jgħidu li jirrappreżentaw lil Ġeħova, imma fil-fatt ma kienx minnu ladarba kienu jieħdu sehem fi prattiki reliġjużi foloz, korruzzjoni, u vjolenza.—2 Slaten 21:10-15; Isaija 3:1-8, 16-26; Ġeremija 2:1–3:13.

2. Ir-restawrazzjoni tal-qima vera. Wara 70 sena fl-eżilju, il-poplu t’Alla kellu jinħeles minn Babilonja. In-nies kellhom jerġgħu lura lejn l-art abbandunata tagħhom u kellhom jibnu mill-ġdid it-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. (Ġeremija 46:27; Għamos 9:13-15) Madwar 200 sena bil-quddiem, Isaija bassar l-isem taʼ dak li kellu jirbaħ lil Babilonja u jħalli lill-poplu t’Alla jirrestawra l-qima vera—Ċiru. Isaija saħansitra niżżel bid-dettall l-istrateġija unika li Ċiru kien se juża fil-battalja.—Isaija 44:24–45:3.

3. Il-miġja tal-Messija u l-esperjenzi tiegħu. Il-Messija kellu jitwieled fil-belt taʼ Betlehem. (Mikea 5:2) Kien se jkun umli, u jidħol Ġerusalemm riekeb fuq ħmar. (Żakkarija 9:9) Għalkemm ġentili u qalbu tajba, ma kienx se jkun popolari, u ħafna kienu se jiċħduh. (Isaija 42:1-3; 53:1, 3) Kien se jmut mewta krudila. Kien dan se jkun it-tmiem taʼ ħajtu? Le, għax il-maħfra tad-dnubiet taʼ ħafna nies kellha ssir possibbli bis-sagrifiċċju tiegħu. (Isaija 53:4, 5, 9-12) Dan setaʼ jitwettaq biss bl-irxoxt tiegħu.

4. Ir-renju tal-Messija fuq l-art. Il-bnedmin imperfetti verament ma jistgħux jaħkmu fil-paċi, imma s-Sultan Messjaniku kien se jissejjaħ Prinċep tal-Paċi. (Isaija 9:6, 7; Ġeremija 10:23) Taħt il-ħakma tiegħu, il-bnedmin kollha kellhom ikunu fil-paċi maʼ xulxin, u saħansitra mal-annimali kollha. (Isaija 11:3-7) Il-mard kellu jisparixxi. (Isaija 33:24) Saħansitra l-mewt kellha tinbelaʼ għal dejjem. (Isaija 25:8) Matul ir-renju tal-Messija, in-nies li mietu kellhom jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art.—Danjel 12:13.

Ibbażat fuq il-kotba taʼ Isaija,Ġeremija, Danjel, Għamos, Mikea, u Żakkarija.