Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IS-7 TAQSIMA

Alla Jeħles lil Ulied Israel

Alla Jeħles lil Ulied Israel

Ġeħova jibgħat il-kastigi fuq l-Eġittu, u Mosè jmexxi lil ulied Israel ’il barra minn dik l-art. Alla jagħti l-Liġi lil Israel permezz taʼ Mosè

ULIED Israel kienu ilhom ħafna snin jgħixu fl-Eġittu, jiffjorixxu u jkattru ġidhom. Imma mbagħad beda jaħkem Fargħun ġdid. Dan il-ħakkiem ma kienx jafu lil Ġużeppi. Kien tirann feroċi li beżaʼ għax l-Israelin kienu qed joktru fl-għadd, u għalhekk għamilhom ilsiera u ordna li t-trabi subien kollha li jitwieldu jiġu mgħarrqin fix-Xmara Nil. Imma waħda mill-ommijiet bi qlubija pproteġiet lil binha ċkejken, billi ħbietu f’qoffa qalb il-qasab. Bint il-Fargħun sabet lit-tarbija, semmietu Mosè, u rabbietu fil-familja rjali Eġizzjana.

Meta Mosè kellu 40 sena ġie fl-inkwiet għax iddefenda lsir Israeli minn kap Eġizzjan li kien jimponi x-xogħol. Mosè ħarab lejn art imbiegħda, fejn għex fl-eżilju. Meta Mosè kellu 80 sena, Ġeħova bagħtu lura l-Eġittu biex jidher quddiem il-Fargħun u jgħidlu biex jeħles lill-poplu t’Alla.

Il-Fargħun ma ried jismaʼ b’xejn. Għalhekk, Alla laqat lill-Eġittu b’għaxar kastigi. Kull darba li Mosè deher quddiem il-Fargħun u offrielu opportunità biex jiskansa l-kastig li kien imiss, il-Fargħun webbes rasu u b’diżrispett m’obdiex lil Mosè u l-Alla tiegħu, Ġeħova. Fl-aħħar, l-għaxar kastig ġab il-mewt fuq l-ewwel imweldin kollha fil-pajjiż—minbarra l-familji li kienu obdew lil Ġeħova billi mmarkaw il-koxox tal-bibien tagħhom bid-demm taʼ ħaruf sagrifikat. L-anġlu tal-qerda mibgħut minn Alla qabeż dawk id-djar. Wara dan, l-Israelin baqgħu jfakkru dan il-ħelsien meraviljuż permezz taʼ ċelebrazzjoni taʼ kull sena msejħa l-Qbiż.

Wara li tilef lil ibnu l-kbir stess, il-Fargħun ordna lil Mosè u lill-Israelin kollha biex jitilqu mill-Eġittu. Minnufih organizzaw il-kotra kbira taʼ nies biex joħorġu mill-Eġittu. Imma l-Fargħun reġaʼ bdielu u telaq għal warajhom b’ħafna gwerriera u karrijiet. L-Israelin kienu jidhru maqbudin f’nassa ħdejn ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar. Ġeħova feraq il-Baħar l-Aħmar, u ħalla lill-Israelin jaqsmu fuq qiegħ il-baħar niexef, bejn ħitan taʼ ilmijiet! Meta l-Eġizzjani ġrew għal warajhom, Alla ħalla l-ilmijiet jinżlu, u b’hekk il-Fargħun u l-armata tiegħu għerqu.

Iktar tard, waqt li l-Israelin kienu kkampjati ħdejn il-Muntanja Sinaj, Ġeħova għamel patt magħhom. Billi uża lil Mosè bħala medjatur, Alla ta lil Israel liġijiet biex jipprovdi gwida u protezzjoni fi kważi kull aspett tal-ħajja. Sakemm l-Israelin aċċettaw b’fedeltà l-ħakma t’Alla, Ġeħova kien se jkun magħhom u kien se jagħmel lil dan il-ġens barka għal oħrajn.

Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-Israelin iddiżappuntaw lil Alla għax ma wrewx fidi fih. B’hekk, Ġeħova ħalla lil dik il-ġenerazzjoni tiġġerra fix-xagħri għal 40 sena. Imbagħad, Mosè ħatar lir-raġel rett Ġożwè biex jiħodlu postu. Fl-aħħar, Israel kien lest biex jidħol fl-art li Alla kien wiegħed lil Abraham.

—Ibbażat fuq Eżodu; Levitiku; Numri; Dewteronomju; Salm 136:10-15; Atti 7:17-36.