Permezz tal-mirakli tiegħu, Ġesù juri kif se juża s-setgħa tiegħu bħala Sultan

ALLA ta l-qawwa lil Ġesù biex jagħmel affarijiet li bnedmin oħrajn ma setgħux jagħmlu. Ġesù għamel ħafna mirakli—spiss quddiem folol taʼ xhieda. Dawk il-mirakli wrew li Ġesù għandu s-setgħa fuq l-għedewwa u l-ostakli li bnedmin imperfetti qatt ma rnexxielhom jegħlbu għalkollox. Ikkunsidra xi eżempji.

Ġesù pprovda lin-nies x’jieklu u x’jixorbu. L-ewwel miraklu taʼ Ġesù kien li biddel l-ilma fi nbid fin. F’żewġ okkażjonijiet oħrajn temaʼ folol t’eluf taʼ nies bil-ġuħ bi ftit ħobż u ħut. Fiż-żewġ każi, kien hemm biżżejjed, anzi żżejjed, ikel għal kulħadd.

Ġesù fejjaq il-mard. Ġesù fejjaq lin-nies li kellhom “kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.” (Mattew 4:23) Hu fejjaq lil min kien agħma, trux, imġiddem, epilettiku, magħtub, zopp, jew immankat. Ma kien hemm l-ebda marda li ma setax ifejjaq.

Ġesù kkontrolla t-temp perikoluż. Meta Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu qed jaqsmu l-Baħar tal-Galilija, qam riefnu qawwi ferm. Id-dixxipli twerwru. Ġesù kemm ħares lejn il-maltempata u qal: “Iskot! Oqgħod kwiet!” Malli qal dan waqgħet kalma kbira. (Marku 4:37-39) Darb’oħra, hu mexa fuq l-ilma matul tempesta tal-biżaʼ.—Mattew 14:24-33.

Ġesù kellu setgħa fuq l-ispirti mill-agħar. L-ispirti mill-agħar huma ferm iktar b’saħħithom mill-bnedmin. Ħafna nies ma rnexxilhomx jeħilsu mill-ħakma taʼ dawn l-għedewwa feroċi t’Alla. Madankollu, darba wara l-oħra, meta Ġesù kien jordnalhom joħorġu, il-vittmi kienu jinħelsu mill-ħakma tal-ispirti. Hu ma kienx jibżaʼ minn dawn l-ispirti. Anzi huma kienu jafu x’awtorità kellu u kienu jibżgħu minnu.

Ġesù għeleb il-mewt. Il-mewt, imsejħa b’mod xieraq “l-aħħar għadu,” hija għadu li l-ebda bniedem ma jistaʼ jirbaħlu. (1 Korintin 15:26) Madankollu, Ġesù rxoxta lill-mejtin, pereżempju lil waħda omm armla ġabilha lura lit-tifel żagħżugħ tagħha, u lil ġenituri mnikktin tahom lura liż-żgħira binthom. F’każ li jispikka ħafna, Ġesù rxoxta lill-ħabib għażiż tiegħu Lazzru quddiem folla nies jibku, minkejja li dan ir-raġel kien ilu mejjet kważi erbat ijiem! Anki l-akbar għedewwa taʼ Ġesù ammettew li kien għamel dan il-miraklu.—Ġwanni 11:38-48; 12:9-11.

Ġesù għala għamel dawn il-mirakli kollha? Wara kollox, maż-żmien mhux kulħadd miet minn dawk li għen? Iva, imma l-mirakli taʼ Ġesù swew taʼ ġid dejjiemi. Dawn urew li l-profeziji kollha tal-għaġeb dwar il-ħakma tas-Sultan Messjaniku kienu bbażati fuq fatti. Ħadd m’għandu għalfejn jiddubita jekk is-Sultan maħtur minn Alla hux kapaċi jeqred il-ġuħ, il-mard, it-temp perikoluż, l-ispirti ħżiena, u saħansitra l-mewt. Hu diġà wera li Alla tah f’idejh il-qawwa biex jagħmel dan kollu.

Ibbażat fuq il-kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni.