Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 L-20-IL TAQSIMA

Ġesù Kristu Jinqatel

Ġesù Kristu Jinqatel

Ġesù jwaqqaf osservanza ġdida; jiġi tradut u msammar maʼ zokk

WARA tliet snin u nofs jipprietka u jgħallem, Ġesù kien jaf li ma tantx kien baqagħlu żmien fuq l-art. Il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu qed jikkonfoffaw biex joqtluh, imma bdew jibżgħu li tqum xi rewwixta fost in-nies, li kienu jqisuh profeta. Sadanittant, Satana influwenza lil wieħed mit-12-il appostlu taʼ Ġesù—Ġuda l-Iskarjota—biex isir traditur. Il-mexxejja reliġjużi offrew lil Ġuda 30 munita tal-fidda biex jittradixxi lil Ġesù.

Fl-aħħar lejla tiegħu, Ġesù ltaqaʼ mal-appostli tiegħu biex josservaw il-Qbiż. Wara li talab lil Ġuda jitlaq, hu waqqaf osservanza ġdida, l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Hu ħa ħobża, qal talba, u għadda l-ħobż lill-11-il appostlu li kien fadal. “Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom,” qal hu. “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hu għamel l-istess b’kies inbid, u qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi.”—Luqa 22:19, 20.

Ġesù kellu ħafna x’jgħidilhom lill-appostli tiegħu matul dak il-lejl. Hu tahom kmandament ġdid—li juru mħabba bla egoiżmu lejn xulxin. Qalilhom: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) Hu ħeġġiġhom biex ma jħallux lil qlubhom jitħawdu minħabba l-ġrajjiet traġiċi li kienu se jseħħu ftit tal-ħin wara. Ġesù talab għalihom bil-ħerqa. Imbagħad kantaw għanjiet taʼ tifħir flimkien u marru fil-ġnien tal-Ġetsemani matul il-lejl.

Fil-ġnien tal-Ġetsemani, Ġesù niżel għarkopptejh u fetaħ qalbu m’Alla fit-talb. Ftit wara waslet marmalja armata taʼ suldati, qassisin, u oħrajn biex tarrestah. Ġuda resaq viċin Ġesù u biesu biex jurihom min kien. Waqt li s-suldati kienu qed jorbtu lil Ġesù, l-appostli ħarbu.

Wieqaf quddiem il-qorti superjuri Lhudija, Ġesù identifika lilu nnifsu bħala l-Iben t’Alla. Il-qorti kkunsidratu ħati taʼ dagħwa u li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad Ġesù ttieħed għand il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Għalkemm sab li Ġesù kien innoċenti minn kull ħtija, hu ta lil Ġesù f’idejn il-marmalja li kienet qed tħambaq li kellu jinqatel.

Ġesù ttieħed lejn Golgota, fejn is-suldati Rumani sammruh maʼ zokk. Id-dawl tal-jum b’mod mirakoluż inbidel f’dalma. Iktar tard wara nofsinhar, Ġesù miet, u seħħ terremot kbir. Ġismu tqiegħed f’qabar li kien imħaffer fil-blat. L-għada, xi qassisin issiġillaw il-qabar u qiegħdu żewġ għassiesa ħdejn id-daħla tiegħu. Kellu Ġesù jibqaʼ f’dak il-qabar? Le. Dalwaqt kien se jseħħ l-akbar miraklu fosthom kollha.

—Ibbażat fuq Mattew kapitli 26 u 27; Marku kapitli 14 u 15; Luqa kapitli 22 u 23; Ġwanni kapitli 12 sa 19.

^ par. 15 Għal diskussjoni dwar il-valur tal-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju, ara kapitlu 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?