Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IS-17-IL TAQSIMA

Ġesù Jgħallem Dwar is-Saltna t’Alla

Ġesù Jgħallem Dwar is-Saltna t’Alla

Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu ħafna affarijiet, imma jiffoka fuq tema waħda—is-Saltna t’Alla

X’KIENET il-missjoni taʼ Ġesù fuq l-art? Hu nnifsu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Ikkunsidra erbaʼ affarijiet li Ġesù għallem dwar din is-Saltna, it-tema prinċipali tal-ippritkar tiegħu.

1. Ġesù kien is-Sultan maħtur. Ġesù qal ċar u tond li kien il-Messija mbassar. (Ġwanni 4:25, 26) Hu wera wkoll li kien is-Sultan li l-profeta Danjel kien ra f’viżjoni. Ġesù qal lill-appostli tiegħu li hu kien il-wieħed li xi darba kien se joqgħod bilqiegħda fuq “tron glorjuż” u li huma wkoll kienu se joqogħdu fuq tronijiet. (Mattew 19:28) Hu rrefera għal dawn l-uħud li kienu se jkunu ħakkiema bħala l-“merħla żgħira” tiegħu, u wkoll wera li kellu “nagħaġ oħrajn,” li ma kinux parti minn dan il-grupp.—Luqa 12:32; Ġwanni 10:16.

2. Is-Saltna t’Alla kellha tippromwovi l-ġustizzja vera. Ġesù indika li s-Saltna kellha tneħħi l-akbar inġustizzja billi tqaddes, jew tagħmel qaddis, l-isem t’Alla Ġeħova u tnaddfu mit-tmaqdir kollu li Satana ilu jitfaʼ fuqu sa mill-irvell fl-Għeden. (Mattew 6:9, 10) Ġesù wera wkoll li ma kien iħares lejn wiċċ ħadd billi kuljum kien jgħallem lil irġiel u nisa, għonja u fqar, mingħajr distinzjoni. Għalkemm il-missjoni tiegħu kienet li jgħallem primarjament lill-Israelin, hu wkoll stinka biex jgħin lis-Samaritani u lill-Ġentili, dawk li ma kinux Lhud. Kuntrarju għall-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, hu ma wera ebda ħjiel taʼ preġudizzju jew preferenzi.

3. Is-Saltna t’Alla ma kellhiex tkun parti minn din id-dinja. Ġesù għex fi żmien taʼ taqlib politiku kbir. Artu kienet dominata minn qawwa barranija. Madankollu, meta n-nies ipprovaw jinvolvuh fil-kwistjonijiet politiċi taʼ dak iż-żmien, hu telaq. (Ġwanni 6:14, 15) Lil politikant minnhom qallu: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.” (Ġwanni 18:36) U lis-segwaċi tiegħu qalilhom: “M’intomx parti mid-dinja.” (Ġwanni 15:19) Ma ħallihomx jużaw armi tal-gwerra, lanqas biex jiddefendu lilu stess.—Mattew 26:51, 52.

“Beda jivvjaġġa . . . minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.”Luqa 8:1

4. Il-ħakma taʼ Kristu kellha tkun ibbażata fuq l-imħabba. Ġesù wiegħed li jserraħ lin-nies, u li jħaffilhom it-toqol tagħhom. (Mattew 11:28-30) Hu żamm kelmtu u bi mħabba ta pariri prattiċi dwar kif ikampaw mal-ansjetà, kif ikollhom relazzjonijiet tajbin m’oħrajn, kif jikkumbattu l-materjaliżmu, u kif isibu l-hena. (Mattew, kapitli 5-7) Peress li wera l-imħabba, nies taʼ kull xorta ħassewhom komdi jersqu lejh. Anki l-iktar nies trattati ħażin ħassewhom ċerti li hu kien se jittrattahom b’qalb tajba u dinjità. X’Ħakkiem tal-għaġeb se jkun Ġesù!

Kien hemm mod qawwi ieħor kif Ġesù għallem dwar is-Saltna t’Alla. Għamel ħafna mirakli. Għala għamilhom? Ejja naraw.

—Ibbażat fuq il-kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni.