Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-21 TAQSIMA

Ġesù Ħaj!

Ġesù Ħaj!

Ġesù jidher lis-segwaċi tiegħu biex jagħtihom xi istruzzjonijiet u jinkuraġġihom

FIT-TIELET jum wara l-mewt taʼ Ġesù, xi nisa li kienu dixxipli tiegħu jsibu li l-ġebla li suppost kienet tagħlaq il-fetħa tal-qabar kienet ġiet imgerba. Barra minn hekk, il-qabar kien vojt!

Imbagħad dehrulhom żewġ anġli. “Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu,” qal wieħed minnhom. “Ġie mqajjem.” (Marku 16:6) Bla dewmien, in-nisa ġrew jgħidu lill-appostli. Huma u sejrin, iltaqgħu maʼ Ġesù. “Tibżgħux!” qalilhom. “Morru, agħtu l-aħbar lil ħuti, sabiex jitilqu lejn il-Galilija; jarawni hemmhekk.”—Mattew 28:10.

Iktar tard dakinhar, tnejn mid-dixxipli kienu mexjin minn Ġerusalemm lejn ir-raħal taʼ Għemmaws. Ħin minnhom ngħaqad magħhom wieħed li ma kinux jafuh u staqsiehom fuqiex kienu qed jitkellmu. Fil-fatt, hu kien Ġesù rxoxtat, li deher f’forma li għall-ewwel m’għarfux. B’wiċċhom imnikket wiġbuh li kienu qed jitkellmu fuq Ġesù. Imbagħad ir-raġel beda jispjegalhom dak li kien hemm miktub fuq il-Messija fl-Iskrittura kollha. Tabilħaqq, Ġesù kien wettaq il-profeziji Messjaniċi sal-inqas dettall. * Meta d-dixxipli indunaw li dan ir-raġel kien Ġesù, li kien ġie rxoxtat bħala spirtu, hu għab.

Iż-żewġ dixxipli minnufih marru lura Ġerusalemm. Hemmhekk sabu lill-appostli miġburin flimkien f’kamra msakkra. Waqt li t-tnejn li huma kienu qed jirrakkontaw x’kien ġralhom, deher Ġesù. Is-segwaċi tiegħu li kienu mbellhin lanqas setgħu jemmnu! “Għala qed tiddubitaw fi qlubkom?” staqsiehom Ġesù. “Hu miktub li l-Kristu kellu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum.”—Luqa 24:38, 46.

Matul l-40 jum wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher lid-dixxipli f’diversi okkażjonijiet. F’każ minnhom, hu deher lil iktar minn 500 ruħ! X’aktarx li kien dakinhar li tahom l-inkarigu importanti ferm: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.”—Mattew 28:19, 20.

L-aħħar darba li ltaqaʼ mal-11-il appostlu leali tiegħu, Ġesù wiegħed: “Meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Imbagħad Ġesù ntrefaʼ ’l fuq, u hekk kif kien tielaʼ s-sema sħaba għattietu minnhom.

—Ibbażat fuq Mattew kapitlu 28; Marku kapitlu 16; Luqa kapitlu 24; Ġwanni kapitli 20 u 21; 1 Korintin 15:5, 6.

^ par. 6 Għal eżempji taʼ profeziji Messjaniċi li wettaq Ġesù, ara l-14-il Taqsima, il-15-il Taqsima, u s-16-il Taqsima taʼ dan il-browxer kif ukoll l-artiklu tal-appendiċi “Ġesù Kristu—Il-Messija Mwiegħed” fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?