Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IS-26 TAQSIMA

Ġenna tal-Art mill-Ġdid!

Ġenna tal-Art mill-Ġdid!

Permezz tas-Saltna mmexxija minn Kristu, Ġeħova jqaddes l-isem Tiegħu, jivvindika s-sovranità Tiegħu, u jneħħi l-ħażen kollu

L-AĦĦAR ktieb tal-Bibbja, imsejjaħ Rivelazzjoni jew Apokalissi, jagħti tama lill-bnedmin kollha. Dan il-ktieb, li nkiteb mill-appostlu Ġwanni, fih viżjonijiet li jilħqu l-quċċata tagħhom meta jitwettaq l-iskop taʼ Ġeħova.

Fl-ewwel viżjoni, Ġesù rxoxtat ifaħħar u jikkoreġi lil diversi kongregazzjonijiet. Il-viżjoni taʼ wara tiħodna quddiem it-tron t’Alla fis-sema, fejn il-ħlejjaq spirti qed ifaħħruh.

Hekk kif l-iskop t’Alla jimxi ’l quddiem, il-Ħaruf, Ġesù Kristu, jirċievi romblu b’sebaʼ siġilli. Malli jinfetħu l-ewwel erbaʼ siġilli, xi rikkieba simboliċi taż-żwiemel jidhru fix-xena tad-dinja. L-ewwel wieħed hu Ġesù riekeb fuq żiemel abjad u nkurunat Sultan. Imbagħad jiġu rikkieba oħrajn fuq żwiemel taʼ lwien differenti. B’mod profetiku dawn jirrappreżentaw il-gwerer, il-ġuħ, u l-mard li jittieħed—li lkoll iseħħu matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema. Meta jinfetaħ is-sebaʼ siġill jibda jinstemaʼ d-daqq taʼ sebaʼ trumbetti simboliċi, li jindikaw it-tħabbir tal-ġudizzji t’Alla. Dawn iwasslu għal sebaʼ kastigi simboliċi, jew espressjonijiet tar-rabja t’Alla.

Is-Saltna t’Alla, rappreżentata minn tarbija tifel li għadu kif jitwieled, tiġi stabbilita. Tfaqqaʼ gwerra, u Satana u l-anġli ħżiena tiegħu jintefgħu ’l isfel lejn l-art. “Gwaj għall-art,” jgħid leħen għoli. Ix-Xitan għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.—Rivelazzjoni 12:12.

Ġwanni jara lil Ġesù fis-sema rappreżentat bħala ħaruf, u miegħu 144,000 magħżulin minn fost il-bnedmin. Dawn se “jsaltnu” maʼ Ġesù. B’hekk, il-ktieb tar-Rivelazzjoni juri li l-membri sekondarji tan-nisel se jgħoddu 144,000.—Rivelazzjoni 14:1; 20:6.

Il-ħakkiema tal-art jinġabru flimkien għal Armageddon, “il-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Dawn jiggwerraw maʼ dak li riekeb fuq iż-żiemel l-abjad—Ġesù, li jmexxi l-armati tas-sema. Il-ħakkiema kollha taʼ din id-dinja jinqerdu. Satana jiġi marbut, u Ġesù u l-144,000 jaħkmu għal fuq l-art għal “elf sena.” Wara l-elf sena, Satana jinqered.—Rivelazzjoni 16:14; 20:4.

Ir-Renju Millennjali taʼ Kristu u taʼ dawk li jaħkmu miegħu, x’se jfisser għall-bnedmin ubbidjenti? Ġwanni jikteb: “[Ġeħova] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:4) L-art issir ġenna!

B’hekk, il-ktieb tar-Rivelazzjoni jikkonkludi l-messaġġ tal-Bibbja. Permezz tas-Saltna Messjanika, l-isem taʼ Ġeħova jitqaddes u s-sovranità tiegħu tiġi vindikata kompletament u għall-eternità kollha!

Ibbażat fuq il-ktieb tar-Rivelazzjoni.