Meta Ġesù wasal il-Betanja ħdejn Ġerusalemm, il-ħabib tiegħu Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem. Ġesù mar fil-post għad-dfin maʼ Marta u Marija, l-aħwa tal-mejjet. Malajr inġemgħet folla nies. Tistaʼ timmaġina kemm ferħu Marta u Marija meta Ġesù rxoxta lil Lazzru?—Aqra Ġwanni 11:21-24,38-44.
Marta diġà kienet taf bl-aħbar tajba dwar il-mejtin. Kienet taf li Ġeħova se jirxoxta l-mejtin biex jerġgħu jgħixu fuq l-art.—Aqra Ġob 14:14, 15.
2. X’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin?
Alla qal lil Adam: “Trab int u trab terġaʼ ssir.”—ĠENESI 3:19.
Il-bnedmin magħmulin mit-trab. (Ġenesi 2:7; 3:19) M’hemmx spirti ġo fina. U xejn mhu se jibqaʼ jgħix wara li mmutu. Meta mmutu, moħħna jmut ukoll, u l-ħsibijiet tagħna jgħibu. B’hekk, Lazzru ma qalx li esperjenza xi ħaġa waqt li kien mejjet għax il-mejtin ma jafu xejn.—Aqra Salm 146:4;Ekkleżjasti 9:5, 6,10.
Jitturmenta Alla lin-nies bin-nar wara l-mewt? Ladarba l-Bibbja turi li l-mejtin ma jafu xejn, jidher ċar li n-nar tal-infern hu tagħlim falz li jagħti isem ħażin lil Alla. L-idea biss li jitturmenta lin-nies bin-nar tiddiżgustah.—Aqra Ġeremija 7:31.
3. Jistgħu jkellmuna l-mejtin?
Il-mejtin la jistgħu jitkellmu u lanqas jisimgħu. (Salm 115:17) Imma xi anġli huma mill-agħar, u jistgħu jkellmu lin-nies u jagħmlu tabirruħhom li huma bnedmin mejtin. (2 Pietru 2:4) Ġeħova jikkmandana biex ma nipprovawx nitkellmu mal-mejtin.—Aqra Dewteronomju 18:10, 11.
4. Min se jiġi rxoxtat?
Ħafna miljuni taʼ nies li huma mejtin se jiġu rxoxtati għal ħajja fuq l-art. Se jiġu rxoxtati anke xi wħud li ma kinux jafu lil Alla u li għamlu affarijiet ħżiena.—Aqra Luqa 23:43;Atti 24:15.
Uħud irxoxtati se jkunu jistgħu jitgħallmu l-verità dwar Alla u juru l-fidi tagħhom f’Ġesù billi jobduh. (Rivelazzjoni 20:11-13) Dawk li jiġu rxoxtati u li jagħmlu affarijiet tajbin se jkunu jistgħu jgawdu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art.—Aqra Ġwanni 5:28, 29.
5. L-irxoxt x’jgħallimna dwar Ġeħova?
Alla għamilha possibbli li jkun hemm tama għall-mejtin billi bagħat lil Ibnu biex imut għalina. Għalhekk, l-irxoxt jgħallimna dwar l-imħabba u l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova. Meta l-mejtin jiġu rxoxtati, lil min b’mod partikulari tixtieq tara?—Aqra Ġwanni 3:16;Rumani 6:23.