Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 7

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

1. X’inhi s-​Saltna t’Alla?

X’jagħmel lil Ġesù Sultan ideali?​—MARKU 1:40-42.

Is-​Saltna t’Alla hi gvern fis-​sema. Din se tieħu post il-​gvernijiet l-​oħra kollha u se ġġiegħel li ssir ir-​rieda t’Alla fis-​sema kif ukoll fuq l-​art. L-​aħbar dwar is-​Saltna t’Alla hi tajba. Is-​Saltna t’Alla dalwaqt se tissodisfa l-​bżonn tal-​bniedem għal gvern tajjeb. Se tgħaqqad lil kull min jgħix fuq l-​art.​—Aqra Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10; 24:14.

Saltna jrid ikollha sultan. Ġeħova ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun is-​Sultan tas-​Saltna Tiegħu.​—Aqra Rivelazzjoni 11:15.

Ara l-vidjow X’inhi s-Saltna t’Alla?

2. Ġesù għala hu s-​Sultan ideali?

Bin Alla hu s-​Sultan ideali għax hu qalbu tajba u sod għal dak li hu sewwa. (Mattew 11:23-​30) Ukoll, għandu biżżejjed qawwa biex jgħin lin-​nies għax se jaħkem għal fuq l-​art mis-​sema. Wara li ġie rxoxtat, telaʼ fis-​sema u qagħad bilqiegħda fuq il-​leminija taʼ Ġeħova biex jistenna ħalli jibda jaħkem. (Ebrej 10:12, 13) Fl-​aħħar, Alla tah il-​qawwa biex jibda jaħkem.​—Aqra Danjel 7:13, 14.

3. Min se jaħkem maʼ Ġesù?

Grupp taʼ wħud imsejħin “il-​qaddisin” se jaħkmu maʼ Ġesù fis-​sema. (Danjel 7:27) L-​ewwel qaddisin magħżulin kienu l-​appostli leali taʼ Ġesù. Sa żmienna, Ġeħova kompla jagħżel irġiel u nisa leali biex ikunu qaddisin. Bħal Ġesù, huma jiġu rxoxtati bħala spirti.​—Aqra Ġwanni 14:1-​3; 1 Korintin 15:42-​44.

 Kemm hemm nies li se jmorru s-​sema? Ġesù sejħilhom “merħla żgħira.” (Luqa 12:32) Fl-​aħħar, in-​numru totali tagħhom se jkun taʼ 144,000. Se jaħkmu maʼ Ġesù għal fuq l-​art.​—Aqra Rivelazzjoni 14:1.

4. X’ġara meta Ġesù beda jaħkem?

Is-​Saltna t’Alla bdiet taħkem fl-​1914. * L-​ewwel ħaġa li għamel Ġesù bħala Sultan kien li waddab ’l isfel lejn l-​art lil Satana u lid-​demonji tiegħu. Satana inkorla u beda joħloq l-​inkwiet fuq l-​art kollha. (Rivelazzjoni 12:7-​10, 12) Minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​gwaj tal-​umanità żdied bil-​kbir. Il-​gwerer, il-​ġuħ, il-​mard, u t-​terremoti huma lkoll parti minn “sinjal” li s-​Saltna dalwaqt se tieħu l-​art taħt idejha.​—Aqra Luqa 21:7, 10, 11, 31.

5. X’qed twettaq is-​Saltna t’Alla?

Permezz taʼ xogħol taʼ ppritkar globali, is-​Saltna t’Alla diġà qed tgħaqqad flimkien lil folla kbira taʼ nies minn kull ġens. Miljuni taʼ nies ġwejdin qed isiru sudditi taʼ Ġesù. Is-​Saltna t’Alla se tipproteġihom meta teqred is-​sistema mill-​agħar preżenti fuq l-​art. Għalhekk, kull min jixtieq jibbenefika mis-​Saltna t’Alla għandu jitgħallem ikun sudditu ubbidjenti taʼ Ġesù.​—Aqra Rivelazzjoni 7:9, 14, 16, 17.

Matul perijodu t’1,000 sena, is-​Saltna se twettaq l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin. L-​art kollha se ssir ġenna. Finalment, Ġesù se jgħaddi s-​Saltna lura lil Missieru. (1 Korintin 15:24-​26) Taf lil xi ħadd li tixtieq tgħidlu dwar is-​Saltna t’Alla?​—Aqra Salm 37:10, 11, 29.

 

^ par. 6 Għal dettalji dwar kif il-profezija Biblika bassret is-sena 1914, ara paġni 215-218 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?