Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 15

Għala Għandek Tkompli Titgħallem Dwar Ġeħova?

Għala Għandek Tkompli Titgħallem Dwar Ġeħova?

1. Kif se tibbenefika jekk tkompli tistudja l-​Bibbja?

Din il-​ħarsa ġenerali tat-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja żgur li saħħet l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova. Għandna nibqgħu naħdmu biex insaħħu din l-​imħabba. (1 Pietru 2:2) It-​tama tiegħek taʼ ħajja taʼ dejjem tiddependi minn jekk tkomplix tersaq qrib t’Alla billi tistudja l-​Kelma tiegħu.​—Aqra Ġwanni 17:3; Ġuda 21.

Int u tkabbar l-​għarfien tiegħek dwar Alla, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ. Il-​fidi se tgħinek togħġob lil Alla. (Ebrej 11:1, 6) Se tqanqlek tindem u tagħmel bidliet taʼ ġid fil-​ħajja tiegħek.​—Aqra Atti 3:19.

2. L-​għarfien tiegħek dwar Alla kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn?

Int tistaʼ tidħol f’relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova

Naturalment, se tkun trid taqsam m’oħrajn dak li tgħallimt​—ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir naqsmu aħbar tajba. Hekk kif tkompli tistudja l-​Bibbja, se titgħallem kif tuża l-​Bibbja biex tispjega l-​fidi tiegħek f’Ġeħova u fl-​aħbar tajba.​—Aqra Rumani 10:13-​15.

Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jibdew billi jaqsmu l-​aħbar tajba mal-​ħbieb jew mal-​qraba. Uża t-​tattika. Minflok ma tgħidilhom li r-​reliġjon tagħhom hi żbaljata, għidilhom dwar il-​wegħdi t’Alla. Ukoll, tinsiex li n-​nies spiss ikunu iktar impressjonati bl-​imġiba tiegħek taʼ qalb tajba milli b’dak li tgħid.​—Aqra t-​2 Timotju 2:24, 25.

3. Liema relazzjoni m’Alla tistaʼ tgawdi?

Se tiġi megħjun tikber spiritwalment jekk tistudja l-​Kelma t’Alla. Eventwalment, tistaʼ tidħol f’relazzjoni tassew speċjali  maʼ Ġeħova. Tistaʼ attwalment tkun tappartjeni lilu bħala membru tal-​familja tiegħu.​—Aqra t-​2 Korintin 6:18.

4. Kif tistaʼ tkompli tagħmel progress?

Tistaʼ tagħmel avanz spiritwali billi tkompli tistudja l-​Kelma t’Alla. (Ebrej 5:13, 14) Staqsi lil xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Ġeħova biex jistudja l-​Bibbja miegħek bl-​għajnuna tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Iktar ma titgħallem mill-​Kelma t’Alla, iktar se jkollok suċċess f’ħajtek.​—Aqra Salm 1:1-​3; 73:27, 28.

L-​aħbar tajba ġejja mingħand Ġeħova, l-​Alla l-​hieni. Tistaʼ tersaq eqreb lejh billi tersaq eqreb lejn in-​nies tiegħu. (Ebrej 10:24, 25) Billi tkompli tagħmel sforz biex togħġob lil Ġeħova tkun qed tirsisti għall-​ħajja vera​—il-​ħajja taʼ dejjem. Tabilħaqq, l-​aqwa ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tersaq qrib t’Alla.​—Aqra l-​1 Timotju 1:11; 6:19.