Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 12

Kif Tista’ Tersaq Qrib t’Alla?

Kif Tista’ Tersaq Qrib t’Alla?

1. Alla kull tip taʼ talb jismaʼ?

Alla jistieden lin-​nies tal-​ġnus kollha biex jersqu qrib tiegħu permezz tat-​talb. (Salm 65:2) Imma ma jismax, jew ma jaċċettax, it-​talb kollu. Pereżempju, it-​talb taʼ raġel li ma jittrattax lil martu sew jistaʼ jiġi mfixkel. (1 Pietru 3:7) Ukoll, meta l-​Iżraelin baqgħu jagħmlu l-​ħażen, Alla rrifjuta li jismaʼ t-​talb tagħhom. Jidher ċar li t-​talb hu privileġġ. Minkejja dan, Alla se jaċċetta t-​talb anke taʼ dawk li għamlu dnubiet serji jekk jindmu.​—Aqra Isaija 1:15; 55:7.

2. Kif għandna nitolbu?

It-​talb hu parti mill-​qima tagħna, u allura għandna nitolbu biss lill-​Ħallieq tagħna Ġeħova. (Mattew 4:10; 6:9) Minbarra dan, peress li aħna imperfetti għandna nitolbu f’isem Ġesù għax miet għal dnubietna. (Ġwanni 14:6) Ġeħova ma jridniex nirripetu talb li tgħallimna bl-​amment jew talb miktub. Iridna nitolbu minn qalbna.​—Aqra Mattew 6:7; Filippin 4:6, 7.

Il-​Ħallieq tagħna jistaʼ jismaʼ anke talb li ngħidu f’qalbna. (1 Samwel 1:12, 13) Hu jistidinna nitolbu f’kull okkażjoni, bħal fil-​bidu u fit-​tmiem tal-​ġurnata, meta nieklu, u meta nħabbtu wiċċna mal-​problemi.​—Aqra Salm 55:22; Mattew 15:36.

3. Il-​Kristjani għala jiltaqgħu flimkien?

Mhux faċli li tersaq qrib t’Alla għax qed ngħixu fost nies li ftit li xejn għandhom fidi f’Alla u li jiddieħqu bil-​wegħda tiegħu taʼ paċi fuq l-​art. (2 Timotju 3:1, 4; 2 Pietru 3:3, 13) Għalhekk, għandna bżonn is-​sħubija inkuraġġanti taʼ sħabna fit-​twemmin, u huma għandhom bżonn lilna.​—Aqra Ebrej 10:24, 25.

 Is-​sħubija maʼ nies li jħobbu lil Ġeħova se tgħinna nersqu qrib t’Alla. Il-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdu opportunitajiet mill-​aħjar biex tibbenefika mill-​fidi t’oħrajn.​—Aqra Rumani 1:11, 12.

4. Kif tistaʼ tersaq qrib t’Alla?

Int tistaʼ tersaq qrib Ġeħova billi timmedita fuq dak li tgħallimt minn Kelmtu. Aħseb fil-​fond dwar l-​attivitajiet, il-​pariri, u l-​wegħdi tiegħu. Meditazzjoni bit-​talb tibni apprezzament fi qlubna għall-​imħabba u l-​għerf t’Alla.​—Aqra Ġożwè 1:8; Salm 1:1-​3.

L-​uniku mod kif tistaʼ tkun qrib t’Alla hu jekk tafda fih, jiġifieri, ikollok il-​fidi fih. Il-​fidi tistaʼ tiġi mqabbla maʼ pjanta. L-​istess bħall-​pjanta, dejjem għandek bżonn “titmaʼ” jew issaħħaħ il-​fidi tiegħek billi timmedita fuq ir-​raġunijiet għat-​twemmin tiegħek.​—Aqra Mattew 4:4; Ebrej 11:1, 6.

5. Int kif se tibbenefika jekk tersaq qrib t’Alla?

Ġeħova jimpurtah minn dawk li jħobbuh. Jistaʼ jipproteġihom minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tkun taʼ periklu għall-​fidi tagħhom u għat-​tama tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem. (Salm 91:1, 2, 7-​10) Iwissina kontra modi taʼ ħajja li jistgħu jheddu s-​saħħa u l-​ferħ tagħna. Ġeħova jgħallimna l-​aqwa mod taʼ ħajja.​—Aqra Salm 73:27, 28; Ġakbu 4:4, 8.