Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 10

Kif Tista’ Tagħraf il-Qima Vera?

Kif Tista’ Tagħraf il-Qima Vera?

1. Hemm biss reliġjon waħda vera?

“Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz.”​—MATTEW 7:15.

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu reliġjon waħda biss, ir-​reliġjon il-​vera. Hija bħal triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Dwar din it-​triq, Ġesù qal: “Ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:14) L-​unika qima li jaċċetta Alla hi dik ibbażata fuq il-​Kelma tiegħu tal-​verità. L-​aduraturi veri kollha huma magħqudin f’fidi waħda.​—Aqra Ġwanni 4:23, 24; 14:6; Efesin 4:4, 5.

2. Ġesù x’qal dwar il-​Kristjani foloz?

“Huma jistqarru pubblikament li jafu lil Alla, imma jiċħduh b’dak li jagħmlu.”​—TITU 1:16.

Ġesù wissa li profeti foloz kienu se jikkorrompu lill-​Kristjanità. Minn barra, dawn jidhru bħal aduraturi veri. Il-​knejjes tagħhom isostnu li huma Kristjani. Imma tistaʼ ma tiġix imqarraq minn nies bħalhom. Kif? Il-​qima vera biss tipproduċi Kristjani ġenwini bi kwalitajiet u għemejjel li jispikkaw.​—Aqra Mattew 7:13-​23.

3. Kif tistaʼ tagħraf l-​aduraturi veri?

Ikkunsidra dawn il-​ħames punti li jidentifikaw lill-​Kristjani veri:

  • L-​aduraturi veri jirrispettaw il-​Bibbja bħala l-​Kelma t’Alla. Huma jistinkaw biex jgħixu fi qbil mal-​prinċipji tagħha. B’hekk, ir-​reliġjon il-​vera hija differenti minn reliġjon ibbażata fuq l-​ideat tal-​bnedmin. (Mattew  15:7-​9) L-​aduraturi veri ma jippritkawx ħaġa u mbagħad jagħmlu oħra.​—Aqra Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16, 17.

  • Is-​segwaċi veri taʼ Ġesù jonoraw l-​isem t’Alla, Ġeħova. Ġesù onora l-​isem t’Alla billi għamlu magħruf. Hu għen lin-​nies isiru jafu lil Alla u għallimhom jitolbu biex jitqaddes l-​isem t’Alla. (Mattew 6:9) Fejn tgħix int, liema reliġjon tippromwovi l-​użu tal-​isem t’Alla?​—Aqra Ġwanni 17:26; Rumani 10:13, 14.

  • Il-​Kristjani veri jippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. Alla bagħat lil Ġesù biex jipprietka l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna. Is-​Saltna t’Alla hi l-​unika tama għall-​umanità. Ġesù kompla jitkellem dwarha sal-​ġurnata li miet. (Luqa 4:43; 8:1; 23:42, 43) Hu qal li s-​segwaċi tiegħu kienu se jippritkaw dwarha. Jekk xi ħadd javviċinak biex jitkellem dwar is-​Saltna t’Alla, wisq probabbli x’reliġjon għandu?​—Aqra Mattew 24:14.

  • Is-​segwaċi taʼ Ġesù mhumiex parti minn din id-​dinja mill-​agħar. Tistaʼ tidentifikahom għax ma jiħdux sehem fi kwistjonijiet politiċi jew f’konflitti soċjali. (Ġwanni 17:16; 18:36) Ukoll, ma jimitawx il-​prattiki u l-​attitudnijiet tad-​dinja li jagħmlu l-​ħsara.​—Aqra Ġakbu 4:4.

  • Il-​Kristjani veri għandhom imħabba li tispikka għal xulxin. Mill-​Kelma t’Alla, huma jitgħallmu jirrispettaw lill-​gruppi etniċi kollha. Għalkemm ir-​reliġjonijiet foloz spiss appoġġaw b’saħħa l-​gwerer tal-​ġnus, l-​aduraturi veri rrifjutaw li jagħmlu dan. (Mikea 4:1-​3) Minflok, il-​Kristjani veri bla egoiżmu jużaw il-​ħin u r-​riżorsi tagħhom biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil oħrajn.​—Aqra Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 4:20.

4. Tistaʼ tidentifika r-​reliġjon vera?

Liema reliġjon tibbaża t-​tagħlim kollu tagħha fuq il-​Kelma t’Alla, tonora l-​isem t’Alla, u xxandar is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​bnedmin? Liema grupp jipprattika l-​imħabba u ma jappoġġax il-​gwerra? Int x’taħseb?​—Aqra l-​1 Ġwanni 3:10-​12.