Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 11

Il-Prinċipji tal-Bibbja Kif Inhuma ta’ Ġid Għalina?

Il-Prinċipji tal-Bibbja Kif Inhuma ta’ Ġid Għalina?

1. Għala għandna bżonn gwida?

Il-prinċipji Bibliċi kif iwassluna biex nieħdu prekawzjonijiet taʼ sigurtà?​—SALM 36:9.

Il-​Ħallieq tagħna hu iktar għaref minna. Bħala Missier kollu mħabba, jimpurtah minna. Ukoll, ma kinitx l-​intenzjoni tiegħu li nkunu indipendenti minnu. (Ġeremija 10:23) Għalhekk, sewwasew bħalma tifel żgħir għandu bżonn il-​gwida tal-​ġenituri, aħna kollha għandna bżonn il-​gwida t’Alla. (Isaija 48:17, 18) Il-​prinċipji tal-​Bibbja jipprovdu l-​gwida li hi għotja mingħand Alla.​—Aqra t-​2 Timotju 3:16.

Il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova jgħallmuna l-​aħjar mod taʼ ħajja issa u juruna kif nistgħu niksbu premjijiet dejjiema fil-​futur. Peress li Alla ħalaqna, bix-​xieraq nuru apprezzament għall-​gwida tiegħu.​—Aqra Salm 19:7, 11; Rivelazzjoni 4:11.

2. X’inhuma l-​prinċipji tal-​Bibbja?

Il-​prinċipji tal-​Bibbja huma veritajiet fundamentali. Min-​naħa l-​oħra, liġijiet jistgħu jkunu għal ċirkustanzi speċifiċi. (Dewteronomju 22:8) Irridu nużaw l-​abbiltà tal-​ħsib biex nifhmu kif prinċipju japplika f’sitwazzjoni partikulari. (Proverbji 2:10-​12) Pereżempju, il-​Bibbja tgħallem li l-​ħajja hi għotja mingħand Alla. Dan il-​prinċipju bażiku jistaʼ jiggwidana fix-​xogħol, fid-​dar, u fl-​ivvjaġġar. Iwassalna biex nieħdu prekawzjonijiet taʼ sigurtà.​—Aqra Atti 17:28.

3. Liema żewġ prinċipji huma l-​iktar importanti?

Ġesù tkellem dwar żewġ prinċipji taʼ importanza kbira. L-​ewwel wieħed jikxef l-​iskop innifsu tal-​ħajja umana​—li nkunu nafu lil Alla, li nħobbuh, u li naqduh b’lealtà. Għandna nżommu f’moħħna dan l-​ewwel prinċipju kull meta nieħdu deċiżjoni. (Proverbji 3:6) Dawk li  jgħixu fi qbil maʼ dan il-​prinċipju jiksbu ħbiberija m’Alla, ferħ ġenwin, u ħajja taʼ dejjem.​—Aqra Mattew 22:36-​38.

It-​tieni prinċipju jistaʼ jiggwidana biex ikollna relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn. (1 Korintin 13:4-​7) Biex wieħed japplika dan it-​tieni prinċipju jrid jimita l-​mod kif Alla jittratta lin-​nies.​—Aqra Mattew 7:12; 22:39, 40.

4. Il-​prinċipji tal-​Bibbja kif inhuma taʼ ġid għalina?

Il-​prinċipji Bibliċi jgħallmu lill-​familji kif ikunu magħqudin fl-​imħabba. (Kolossin 3:12-​14) Ukoll, il-​Kelma t’Alla tipproteġi lill-​familji billi tgħallem prinċipju ieħor taʼ gwida​—li ż-​żwieġ għandu jkun permanenti.​—Aqra Ġenesi 2:24.

Billi nsegwu t-​tagħlim Bibliku, nistgħu nipproteġu l-​benesseri materjali u emozzjonali tagħna. Pereżempju, l-​imgħallmin spiss jippreferu ħaddiema li jgħixu fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi tal-​onestà u d-​diliġenza. (Proverbji 10:4, 26; Ebrej 13:18) Il-​Kelma t’Alla tgħallimna wkoll biex inkunu kuntenti bl-​affarijiet li huma neċessarji u biex ngħożżu l-​ħbiberija m’Alla iktar mill-​affarijiet materjali.​—Aqra Mattew 6:24, 25, 33; 1 Timotju 6:8-​10.

Nistgħu nipproteġu s-​saħħa tagħna jekk napplikaw il-​prinċipji Bibliċi. (Proverbji 14:30; 22:24, 25) Pereżempju, jekk nobdu l-​liġi t’Alla kontra s-​sokor nistgħu niġu protetti minn mard fatali u inċidenti. (Proverbji 23:20) Ġeħova jippermettilna nixorbu xorb alkoħoliku imma dan għandu jsir bil-​moderazzjoni. (Salm 104:15; 1 Korintin 6:10) Il-​prinċipji t’Alla jistgħu jkunu taʼ ġid għalina billi jgħallmuna biex ma ngħassux biss l-​azzjonijiet tagħna imma wkoll il-​ħsibijiet tagħna. (Salm 119:97-​100) Iżda, il-​Kristjani veri ma jirrispettawx il-​livelli t’Alla sempliċement għax se jibbenefikaw minnhom. Jagħmlu hekk sabiex jonoraw lil Ġeħova.​—Aqra Mattew 5:14-​16.