1. Għala għandna nqimu lil Alla?

L-Alla l-veru hu l-Ħallieq taʼ kollox. La kellu bidu u lanqas qatt mhu se jkollu tmiem. (Salm 90:2) Hu s-Sors tal-aħbar tajba li tinsab fil-Bibbja. (1 Timotju 1:11) Minħabba li Alla tana l-ħajja, għandna nqimu lilu biss.Aqra Rivelazzjoni 4:11.

2. Alla x’tip taʼ persuna hu?

Lil Alla ħadd qatt ma rah minħabba li hu Spirtu, jiġifieri, hu iktar superjuri mill-ħlejjaq fiżiċi li jgħixu fuq l-art. (Ġwanni 1:18; 4:24) Minkejja dan, il-personalità t’Alla tidher fl-affarijiet li hu għamel. Pereżempju, il-varjetà taʼ frott u fjuri juruna l-imħabba u l-għerf tiegħu. Il-kobor tal-univers jurina l-qawwa tiegħu.Aqra Rumani 1:20.

Nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar dwar il-personalità t’Alla billi naqraw il-Bibbja. Pereżempju, din tgħidilna x’jogħġob u x’ma jogħġobx lil Alla, kif jittratta lin-nies, u kif jaġixxi f’sitwazzjonijiet differenti.Aqra Salm 103:7-10.

3. Alla għandu isem?

Ġesù qal: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Għalkemm Alla għandu ħafna titli, għandu isem wieħed biss. B’kull lingwa jiġi pronunzjat b’mod differenti. Normalment, bil-Malti ngħidu “Ġeħova.” Imma xi nies jippronunzjawh “Jaħweh.”Aqra Salm 83:18.

L-isem t’Alla tneħħa minn ħafna Bibbji u floku tpoġġew it-titli Mulej jew Alla. Imma meta nkitbet il-Bibbja, l-isem t’Alla kien jidher madwar 7,000 darba. Ġesù għamel  l-isem t’Alla magħruf meta għallem lin-nies dwar Alla.Aqra Ġwanni 17:26.

4. Ġeħova jimpurtah minna?

Bħal dan il-missier kollu mħabba, Alla qed jaġixxi għal ġid dejjiemi tagħna

Il-fatt li ħafna bnedmin qed isofru, ifisser li Ġeħova hu Alla li ma jimpurtahx minna? Xi wħud isostnu li Alla jġegħelna nsofru biex iġarrabna, imma dan mhuwiex minnu.Aqra Ġakbu 1:13.

Alla ta lill-bnedmin id-dinjità billi tahom il-libertà tal-għażla. Kemm napprezzaw il-libertà li għandna li nagħżlu li naqdu lil Alla! (Ġożwè 24:15) Imma ħafna nies jagħżlu li jagħmlu affarijiet ħżiena lil oħrajn, u għalhekk ħafna nies ibatu. Ġeħova jweġġaʼ meta jara inġustizzji bħal dawn.Aqra Ġenesi 6:5, 6.

Ġeħova hu Alla li jimpurtah minna. Iridna ngawdu l-ħajja. Dalwaqt se jneħħi għalkollox it-tbatija u lil dawk li jikkaġunawha. Sadattant, għandu raġuni valida għala qed jippermetti t-tbatija għal żmien limitat. F’Lezzjoni 8 se nitgħallmu x’inhi din ir-raġuni.Aqra t-2 Pietru 2:9; 3:7, 13.

5. Kif nistgħu nersqu eqreb lejn Alla?

Ġeħova jistidinna nersqu qrib tiegħu billi nkellmuh permezz tat-talb. Hu interessat fina individwalment. (Salm 65:2; 145:18) Hu lest li jaħfer. Jagħti kas meta nipprovaw nogħġbuh, anke jekk kultant ma jirnexxilniex. Għalhekk, minkejja l-imperfezzjoni tagħna, aħna tassew nistgħu ngawdu relazzjoni mill-qrib m’Alla.Aqra Salm 103:12-14; Ġakbu 4:8.

Ladarba Ġeħova tana l-ħajja, għandna nħobbuh iktar milli nħobbu kwalunkwe persuna oħra. (Marku 12:30) Hekk kif tesprimi mħabbtek għal Alla billi titgħallem iktar dwaru u tagħmel dak li jitlob minnek, int se tersaq saħansitra eqreb lejh.Aqra l-1 Timotju 2:4; 1 Ġwanni 5:3.