Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 4

Min Hu Ġesù Kristu?

Min Hu Ġesù Kristu?

1. Il-​ħajja taʼ Ġesù kif bdiet?

Liema kwalitajiet ġibdu n-nies lejn Ġesù?​—MATTEW 11:29; MARKU 10:13-16.

Għall-​kuntrarju taʼ kwalunkwe uman ieħor, Ġesù għex fis-​sema bħala anġlu qabel ma twieled fuq l-​art. (Ġwanni 8:23) Hu kien l-​ewwel ħolqien t’Alla, u għen fil-​ħolqien tal-​affarijiet l-​oħrajn kollha. Hu l-​uniku wieħed maħluq direttament minn Ġeħova, u għalhekk bix-​xieraq jissejjaħ l-​Iben “uniġenitu” t’Alla. (Ġwanni 1:14) Ġesù qeda bħala l-​Kelliemi t’Alla, u għalhekk hu jissejjaħ ukoll “il-​Kelma.”​—Aqra Proverbji 8:22, 23, 30; Kolossin 1:15, 16.

2. Ġesù għala ġie fuq l-​art?

Alla bagħat lil Ibnu fuq l-​art billi ttrasferixxa lil ħajtu mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. Għalhekk, Ġesù ma kellux missier uman. (Luqa 1:30-​35) Ġesù ġie fuq l-​art (1) biex jgħallem il-​verità dwar Alla, (2) biex iħallilna eżempju taʼ kif nagħmlu r-​rieda t’Alla anke meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, u (3) biex jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu bħala “fidwa.”​—Aqra Mattew 20:28.

3. Għala għandna bżonn fidwa?

Fidwa hi l-​prezz imħallas biex tinħeles persuna mit-​theddida tal-​mewt. (Eżodu 21:29, 30) Il-​mewt u x-​xjuħija ma kinux parti mill-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità. Kif nafuh dan? Alla qal lill-​ewwel bniedem, Adam, li jekk hu jagħmel dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “dnub,” kien se jmut. Allura kieku Adam ma dinibx, qatt ma kien imut. (Ġenesi 2:16, 17; 5:5) Skont il-​Bibbja, il-​mewt ‘daħlet’ fid-​dinja tal-​bnedmin permezz t’Adam. B’hekk, Adam għadda lid-​dixxendenti tiegħu  kollha d-​dnub u l-​piena li jġib miegħu, il-​mewt. Għandna bżonn fidwa biex teħlisna mill-​piena tal-​mewt li writna mingħand Adam.​—Aqra Rumani 5:12; 6:23.

Min setaʼ jħallas il-​fidwa biex jeħlisna mill-​mewt? Meta mmutu, inħallsu biss il-​piena tad-​dnubiet tagħna stess. L-​ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jħallas għad-​dnubiet t’oħrajn.​—Aqra Salm 49:7-​9.

4. Ġesù għala miet?

Kuntrarju għalina, Ġesù kien perfett. Għalhekk, ma kellux għalfejn imut minħabba d-​dnubiet tiegħu stess għax qatt ma dineb. Minflok, Ġesù miet minħabba d-​dnubiet t’oħrajn. Alla wera mħabba straordinarja għall-​umanità billi bagħat lil Ibnu biex imut għalina. Anki Ġesù wera mħabba għalina billi obda lil Missieru u ta ħajtu għad-​dnubiet tagħna.​—Aqra Ġwanni 3:16; Rumani 5:18, 19.

Ara l-vidjow Ġesù għala miet?

5. Ġesù x’qed jagħmel issa?

Meta kien fuq l-​art, Ġesù fejjaq lill-​morda, irxoxta lill-​mejtin, u salva lin-​nies li kienu fil-​periklu. B’hekk, wera dak li se jagħmel fil-​futur għall-​umanità ubbidjenti kollha. (Mattew 15:30, 31; Ġwanni 5:28) Wara li Ġesù miet, Alla rxoxtah bħala spirtu. (1 Pietru 3:18) Ġesù mbagħad stenna fuq il-​leminija t’Alla sakemm Ġeħova tah il-​qawwa biex jaħkem bħala Sultan fuq l-​art kollha. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù issa qed jaħkem bħala Sultan fis-​sema, u s-​segwaċi tiegħu qed iħabbru din l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha.​—Aqra Danjel 7:13, 14; Mattew 24:14.

Ġesù dalwaqt se juża l-​qawwa tiegħu bħala Sultan biex itemm is-​sofferenza kollha u lil dawk li jikkaġunawha. Dawk kollha li jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù billi jobduh se jgawdu ħajja f’ġenna fuq l-​art.​—Aqra Salm 37:9-​11.