Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 2

L-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana

L-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana

Studjużi tal-​Bibbja jirrikonoxxu li l-​isem persunali t’Alla, kif inhu rappreżentat mit-​Tetragrammaton (יהוה), jidher kważi 7,000 darba fit-​test oriġinali tal-​Iskrittura Ebrajka. Madankollu, ħafna jħossu li ma kienx jidher fit-​test oriġinali tal-​Iskrittura Griega Kristjana. Minħabba f’hekk, ħafna Bibbji moderni ma jużawx l-​isem Ġeħova meta jittraduċu l-​hekk imsejjaħ Testment il-​Ġdid. Anki meta jittraduċu kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka li fihom kien jidher it-​Tetragrammaton, il-​maġġuranza tat-​tradutturi jużaw “Mulej” minflok l-​isem persunali t’Alla.

It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa ma ssegwix din il-​prattika komuni. B’kollox, l-​Iskrittura Griega Kristjana tuża l-​isem Ġeħova 237 darba. Meta ddeċidew li jagħmlu hekk, it-​tradutturi kkunsidraw żewġ fatturi importanti: (1) Il-​manuskritti Griegi li għandna llum mhumiex l-​oriġinali. Mill-​eluf taʼ kopji li jeżistu llum, il-​biċċa l-​kbira minnhom inkitbu minn tal-​inqas mitejn sena wara li ġew miktubin l-​oriġinali. (2) Sa dak iż-​żmien, dawk li kkopjaw il-​manuskritti kitbu l-​kelma Kirjos, il-​kelma Griega għal “Mulej,” minflok it-​Tetragrammaton jew inkella kkopjaw minn manuskritti li diġà kien fihom din il-​bidla.

Il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida wasal għall-​konklużjoni li hemm evidenza konvinċenti li t-​Tetragrammaton kien jidher fil-​manuskritti Griegi oriġinali. Id-​deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-​evidenza li ġejja:

  • Kopji tal-​Iskrittura Ebrajka li kienu jintużaw fi żmien Ġesù u l-​appostli tiegħu kien fihom it-​Tetragrammaton. Fil-​passat, kienu ftit in-​nies li merew din il-​konklużjoni. Issa peress li qrib l-​inħawi taʼ Qumran instabu kopji tal-​Iskrittura Ebrajka li jmorru lura għall-​ewwel seklu, ħadd ma jistaʼ jiċħad dan il-​fatt.

  • Fi żmien Ġesù u l-​appostli tiegħu, it-​Tetragrammaton kien jidher ukoll fit-​traduzzjonijiet Griegi tal-​Iskrittura Ebrajka. Għal sekli sħaħ, l-​istudjużi kienu jaħsbu li ma kienx hemm it-​Tetragrammaton fil-​manuskritti tat-​traduzzjoni tas-​Settanta Griega tal-​Iskrittura Ebrajka. Imbagħad, f’nofs is-​seklu 20, inġiebu għall-​attenzjoni xi frammenti qodma ħafna tal-​verżjoni tas-​Settanta Griega li kienet teżisti fi żmien Ġesù. Dawn il-​frammenti  fihom l-​isem persunali t’Alla miktub b’ittri Ebrajċi. B’hekk, fi żmien Ġesù, kopji tal-​Iskrittura bil-​Grieg kien fihom l-​isem divin. Però, sar-​rabaʼ seklu WK, il-​manuskritti prinċipali tas-​Settanta Griega, bħall-​Manuskritt tal-​Vatikan u l-​Manuskritt Sinajtiku, ma kienx fihom l-​isem divin fil-​kotba minn Ġenesi sa Malakija (fejn kien jidher fil-​manuskritti taʼ qabel). Allura, ma niħduhiex bi kbira li fil-​kitba li għadha teżisti minn dak iż-​żmien, l-​isem divin ma jinstabx fl-​hekk imsejjaħ Testment il-​Ġdid, jew fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

    Ġesù qal ċar u tond: “Jien ġejt f’isem Missieri.” Hu enfasizza wkoll li l-​għemejjel tiegħu għamilhom ‘f’isem Missieru’

  • L-​Iskrittura Griega Kristjana stess turi li Ġesù spiss kien jirreferi għall-​isem t’Alla u kien jagħmlu magħruf m’oħrajn. (Ġwanni 17:6, 11, 12, 26) Ġesù qal ċar u tond: “Jien ġejt f’isem Missieri.” Hu enfasizza wkoll li l-​għemejjel tiegħu għamilhom ‘f’isem Missieru.’—Ġwanni 5:43; 10:25.

  • Ladarba l-​Iskrittura Griega Kristjana ġiet miżjuda b’mod ispirat mal-​Iskrittura Ebrajka mqaddsa, kienet tkun xi ħaġa stramba li f’daqqa waħda l-​isem taʼ Ġeħova ma jibqax jintuża. Madwar nofs l-​ewwel seklu WK, id-​dixxiplu Ġakbu lill-​anzjani f’Ġerusalemm qalilhom: “Simgħon irrakkonta bir-​reqqa kif għall-​ewwel darba Alla dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Kieku fl-​ewwel seklu ħadd ma kien jaf jew juża l-​isem t’Alla, allura kien ikun bla sens li Ġakbu jagħmel stqarrija bħal din.

  • L-​isem divin jidher imqassar fl-​Iskrittura Griega Kristjana. F’​Rivelazzjoni 19:1, 3, 4, 6, l-​isem divin jidher fil-​kelma “Ħallelujah.” Din ġejja minn espressjoni Ebrajka li letteralment tfisser “Faħħru lil Jah.” “Jah” hu l-​isem taʼ Ġeħova fil-​qosor. Hemm ħafna ismijiet li ntużaw fl-​Iskrittura Griega Kristjana li ġejjin mill-​isem divin. Fil-​fatt, xogħlijiet taʼ referenza jispjegaw li l-​isem taʼ Ġesù stess ifisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”

  • Kitbiet Lhud tal-​bidu jindikaw li l-​Kristjani Lhud kienu jużaw l-​isem divin f’dak li kienu jiktbu. Ġabra taʼ liġijiet orali miktubin sas-​sena 300 WK (The Tosefta) tgħid li l-​kitbiet Kristjani setgħu jinħarqu fis-​Sabat, saħansitra anki s-​siltiet li kien fihom ir-​referenzi għall-​Isem Divin. L-​istess sors jikkwota lir-​Rabbi Yosé l-​Galilew, li kien jgħix fil-​bidu tat-​tieni seklu WK, bħala li qal li fi ġranet oħrajn tal-​ġimgħa, “dak li jkun kien  jaqtaʼ r-​referenzi tal-​Isem Divin li jkun hemm fihom [mifhum li qed jirreferi għall-​kitbiet Kristjani] u jerfagħhom, u l-​bqija kien jaħraqhom.”

  •   Xi studjużi tal-​Bibbja jirrikonoxxu li l-​isem divin x’aktarx deher fl-​Iskrittura Griega Kristjana meta ġiet kwotata l-​Iskrittura Ebrajka. Taħt it-​titlu “Tetragrammaton in the New Testament,” The Anchor Bible Dictionary jgħid li hemm xi evidenza li meta għall-​ewwel inkitbu d-​dokumenti tat-​Testment il-​Ġdid, fih deher it-​Tetragrammaton, jiġifieri, l-​isem divin Jaħweh, f’xi ftit mill-​kwotazzjonijiet jew fil-​kwotazzjonijiet kollha mit-​Testment il-​Qadim. L-​istudjuż George Howard jgħid li t-​Tetragrammaton kien miktub f’kopji tal-​Bibbja Griega [is-​Settanta] li kienet it-​traduzzjoni tal-​Iskrittura Ebrajka li kienu jużaw il-​Kristjani tal-​ewwel seklu. Minħabba f’hekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li l-​kittieba tat-​Testment il-​Ġdid użaw it-​Tetragrammaton meta kkwotaw mill-​Iskrittura Ebrajka.

  • Tradutturi tal-​Bibbja magħrufin użaw l-​isem t’Alla fil-​Iskrittura Griega Kristjana. Xi ftit minn dawn it-​tradutturi għamlu  dan ħafna qabel ma ġiet pubblikata t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. Dawn it-​tradutturi u x-​xogħol tagħhom jinkludu: A Literal Translation of the New Testament . . . From the Text of the Vatican Manuscript, taʼ Herman Heinfetter (1863); The Emphatic Diaglott, taʼ Benjamin Wilson (1864); The Epistles of Paul in Modern English, taʼ George Barker Stevens (1898); St. Paul’s Epistle to the Romans, taʼ W. G. Rutherford (1900); The New Testament Letters, taʼ J.W.C. Wand, Isqof taʼ Londra (1946). Barra minn hekk, fi traduzzjoni Spanjola tal-​bidu tas-​seklu 20, it-​traduttur Pablo Besson uża l-​isem “Jehová” f’​Luqa 2:15 u f’​Ġuda 14, u fit-​traduzzjoni tiegħu hemm kważi 100 nota taʼ taħt li jissuġġerixxu li kellu jiġi tradott l-​isem divin. Ħafna qabel dawn it-​traduzzjonijiet, verżjonijiet Ebrajċi tal-​Iskrittura Griega Kristjana mis-​seklu 16 ’il quddiem użaw it-​Tetragrammaton f’ħafna siltiet. Fil-​lingwa Ġermaniża biss, minn tal-​inqas 11-​il verżjoni użaw l-​isem “Ġeħova” (jew “Jaħweh”) fl-​Iskrittura Griega Kristjana, filwaqt li erbaʼ tradutturi żiedu l-​isem fil-​parentesi wara l-​kelma “Mulej.” Iktar minn  70 traduttur Ġermaniż użaw l-​isem divin fin-​noti taʼ taħt jew fin-​noti li jfissru l-​kliem.

    L-isem t’Alla f’​Atti 2:34 f’The Emphatic Diaglott, taʼ Benjamin Wilson (1864)

  • Traduzzjonijiet tal-​Bibbja f’iktar minn mitt lingwa differenti fihom l-​isem divin fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Ħafna lingwi Afrikani, Indjani-​Amerikani, Asjatiċi, Ewropej, u tal-​gżejjer Paċifiċi użaw l-​isem divin spiss. (Ara l-​lista f’paġni 12 u 13.) It-​tradutturi taʼ dawn l-​edizzjonijiet iddeċidew li jużaw l-​isem divin minħabba raġunijiet simili għal dawk li semmejna qabel. Xi wħud mit-​traduzzjonijiet tal-​Iskrittura Griega Kristjana huma reċenti, bħar-​Rotuman Bible (1999), li tuża l-​isem “Jihova” 51 darba fi 48 vers, u l-​verżjoni Batak (Toba) (1989) mill-​Indoneżja, li tuża l-​isem “Jahowa” 110 darbiet.

    L-​isem t’Alla f’​Marku 12:29, 30 fit-​traduzzjoni tal-​lingwa Ħawajjana tal-​1816

Bla dubju, hemm bażi ċara biex l-​isem divin, Ġeħova, jerġaʼ jitpoġġa fl-​Iskrittura Griega Kristjana. U dan hu preċiż dak li għamlu t-​tradutturi tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. Huma għandhom rispett kbir għall-​isem divin u bix-​xieraq jibżgħu jneħħu kwalunkwe ħaġa li dehret fit-​test oriġinali.—Rivelazzjoni 22:18, 19.