Proverbji 27:1-27

27  Tiftaħarx dwar il-​jum t’għada,+ għax ma tafx jum x’jistaʼ jiled.+  Ħa jfaħħrek stranġier, u mhux fommok stess; ħa jkun barrani li jagħmel dan u mhux xofftejk.+  Ġebla hi tqila u r-​ramel fih tagħbija,+ imma d-​dwejjaq li jġib miegħu l-​iblah huma itqal minnhom it-​tnejn.+  Hemm il-​krudeltà tal-​korla, u wkoll id-​dilluvju tar-​rabja,+ imma l-​għira min jistaʼ jiqfilha?+  Aħjar twiddiba bil-​miftuħ+ minn imħabba mistura.  Il-feriti li jagħmillek min iħobbok ġejjin mill-​fedeltà,+ imma l-​bews taʼ min jobogħdok hu xi ħaġa li trid titlobha bil-​ħrara.+  Ruħ xebgħana tgħaffeġ taħt saqajha l-​għasel tax-​xehda, imma għal ruħ imġewħa kull ħaġa morra hi ħelwa.+  Bħal għasfur li jaħrab mill-​bejta tiegħu,+ hekk hu bniedem li jaħrab mill-​post fejn joqgħod.+  Iż-żejt u l-​inċens+ iferrħu l-​qalb; hekk ukoll il-​ħlewwa li juri sieħeb minħabba l-​pariri li jagħti b’ruħu kollha.+ 10  Titlaqx lil sieħbek jew lil sieħeb missierek, u tidħolx f’dar ħuk f’jum l-​hemm tiegħek. Aħjar ġâr fil-​qrib minn ħu fil-​bogħod.+ 11  Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi,+ biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.+ 12  Min hu prudenti ra l-​gwaj u nħeba;+ dawk taʼ bla esperjenza baqgħu sejrin u ħallsu l-​piena.+ 13  F’każ li wieħed jiftiehem li jagħmel tajjeb għad-​dejn taʼ stranġier, ħudlu l-​libsa;+ u fejn tidħol mara barranija, ħudlu rahan.+ 14  Dak li fil-​għodu kmieni jbierek lil għajru b’leħen għoli jitqies li qed ilissen saħta.+ 15  Saqaf iqattar li jbiegħdek minnu f’jum taʼ xita kontinwa u mara ġellieda huma xorta.+ 16  Kulmin jaħbiha jkun ħeba r-​riħ, u idu l-​leminija taqbad iż-​żejt. 17  Il-ħadid jinsenn bil-​ħadid. Hekk bniedem isinn wiċċ bniedem ieħor.+ 18  Min qed jipproteġi s-​siġra tat-​tin se jiekol minn frottha,+ u min qed jipproteġi lil sidu se jiġi onorat.+ 19  Bħalma fl-​ilma wiċċ jirrifletti wiċċ, hekk ukoll qalb il-​bniedem tirrifletti dik taʼ bniedem. 20  Il-Qabar* u post il-​qerda+ ma jixbgħux;+ lanqas ma jixbgħu għajnejn il-​bniedem.+ 21  Bħalma l-​borma taʼ l-​irfinar qiegħda għall-​fidda+ u l-​forn għad-​deheb,+ hekk ukoll it-​tifħir hu għall-​bniedem.+ 22  Anki jekk l-​iblah tisħqu sew b’lida fil-​mehrież, flimkien maʼ qmuħ imfarrkin, bluhitu ma titilqux.+ 23  Għandek tkun taf sew kif tidher il-​merħla tiegħek. Kun moħħok fl-​imrieħel tiegħek;+ 24  għax teżor ma jibqax għal dejjem,+ lanqas dijadema ma tibqaʼ għall-​ġenerazzjonijiet kollha. 25  Il-ħaxix aħdar għab, u feġġ il-​ġdid, u l-​ħaxix tal-​muntanji nġabar.+ 26  L-imtaten żgħar qegħdin biex ikollok x’tilbes,+ u l-​bdabad huma l-​prezz taʼ l-​għalqa. 27  U jkollok biżżejjed ħalib tal-​mogħża biex tiekol int, jieklu n-​nies taʼ darek, u tgħajjex+ lix-​xbejbiet tiegħek.

Noti taʼ taħt

Bl-Ebrajk, “Xeol.”