Numri 35:1-34

35  U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè fil-​pjanuri tad-​deżert taʼ Mowab biswit il-​Ġordan+ f’Ġeriko u jgħidlu:  “Ordna lil ulied Israel biex jagħtu lil-​Leviti bliet+ mill-​wirt tagħhom ħalli joqogħdu fihom, u għandhom jagħtu lil-​Leviti l-​mergħat taʼ madwar il-​bliet.+  U l-​bliet iservu biex joqogħdu fihom huma, waqt li l-​mergħat tagħhom iservu għall-​annimali domestiċi tagħhom u kulma hu meħtieġ biex iżommuhom u għall-​bhejjem salvaġġi kollha tagħhom.  U l-​mergħat tal-​bliet, li tagħtu lil-​Leviti, ikunu mis-​sur tal-​belt ’il barra, elf kubitu dawramejt.  U kejlu ’l barra mill-​belt fuq in-​naħa tal-​lvant elfejn kubitu u fuq in-​naħa tan-​nofsinhar elfejn kubitu u fuq in-​naħa tal-​punent elfejn kubitu u fuq in-​naħa tat-​tramuntana elfejn kubitu, bil-​belt fin-​nofs. Dan iservi għalihom bħala mergħat tal-​bliet.  “Dawn huma l-​bliet li tagħtu lil-​Leviti: sitt ibliet tar-​refuġju,+ li tagħtu biex dak li joqtol jaħrab hemmhekk,+ u minbarra dawn tagħtu tnejn u erbgħin belt oħra.  Il-bliet kollha li tagħtu lil-​Leviti jkunu tmienja u erbgħin belt, dawn flimkien mal-​mergħat tagħhom.+  Il-bliet li tagħtu jkunu mill-​wirt taʼ wlied Israel.+ Mingħand il-​ħafna tieħdu ħafna, u mingħand il-​ftit tieħdu ftit.+ Kull wieħed, skond il-​wirt tiegħu li jieħu biex ikun tiegħu, jagħti ftit mill-​bliet tiegħu lil-​Leviti.”  U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 10  “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Intom se taqsmu l-​Ġordan biex tmorru fl-​art taʼ Kangħan.+ 11  U tridu tagħżlu bliet konvenjenti għalikom. Dawn iservu għalikom bħala bliet tar-​refuġju, u dak li jolqot lil xi ħadd* mhux apposta u joqtlu jrid jaħrab hemmhekk.+ 12  U l-​bliet iservu għalikom bħala refuġju minħabba dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu għad-​demm,+ sabiex dak li joqtol ma jmutx qabel ma jidher quddiem il-​ġemgħa għall-​ġudizzju.+ 13  U l-​bliet li tagħtu, is-​sitt ibliet tar-​refuġju, ikunu għad-​dispożizzjoni tagħkom. 14  Tagħtu tlett ibliet din in-​naħa tal-​Ġordan,+ u tagħtu tlett ibliet fl-​art taʼ Kangħan.+ Dawn iservu bħala bliet tar-​refuġju. 15  Dawn is-​sitt ibliet se jservu bħala refuġju għal ulied Israel u għar-​resident barrani+ u għall-​immigrant f’nofshom, biex kulmin joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab fihom.+ 16  “‘Issa jekk jidorbu b’xi ħaġa tal-​ħadid, u b’hekk imut, hu jkun qattiel.+ Il-​qattiel żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 17  U jekk jidorbu b’ġebla żgħira li biha jistaʼ jmut, u b’hekk imut, hu jkun qattiel. Il-​qattiel żgur li għandu jingħata l-​mewt. 18  U jekk jidorbu b’xi ħaġa żgħira taʼ l-​injam li biha jistaʼ jmut, u b’hekk imut, hu jkun qattiel. Il-​qattiel żgur li għandu jingħata l-​mewt. 19  “‘Dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu+ għad-​demm għandu joqtol lill-​qattiel. Meta jiltaqaʼ miegħu, joqtlu hu stess. 20  U jekk jimbottah b’mibegħda+ jew iwaddablu xi ħaġa waqt li jkun qed jonsoblu,+ u b’hekk imut, 21  jew b’għadwa jidorbu b’idu, u b’hekk imut, dak li jidorbu żgur li għandu jingħata l-​mewt. Hu jkun qattiel. Dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu għad-​demm għandu joqtol lill-​qattiel meta jiltaqaʼ miegħu.+ 22  “‘Imma jekk ikun bla mistenni u mingħajr għadwa li jimbottah jew li jwaddablu xi ħaġa bla ma jkun qed jonsoblu,+ 23  jew, mingħajr ma jarah, iwaddab ġebla li jistaʼ joqtlu biha jew iwaqqagħha fuqu, u b’hekk imut, waqt li ma jkunx l-​għadu tiegħu u ma jkunx qed jipprova jweġġgħu, 24  il-ġemgħa trid tiġġudika bejn dak li jidorbu u dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu għad-​demm skond dawn il-​ġudizzji.+ 25  U l-​ġemgħa+ trid teħles lil dak li joqtol minn id dak li għandu d-​dritt jivvendika ruħu għad-​demm, u l-​ġemgħa trid tieħdu lura lejn il-​belt tar-​refuġju tiegħu li jkun ħarab fiha, u hu jrid jgħammar fiha sakemm imut il-​qassis il-​kbir li ġie midluk biż-​żejt qaddis.+ 26  “‘Imma jekk dak li joqtol, fil-​fatt, joħroġ ’il barra minn tarf il-​belt tar-​refuġju tiegħu li jaħrab fiha, 27  u dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu+ għad-​demm isibu ’l barra minn tarf il-​belt tar-​refuġju tiegħu, u dak li jkollu d-​dritt jivvendika ruħu għad-​demm joqtol lil dak li joqtol, hu ma jkollu ebda ħtija tad-​demm. 28  Għax hu għandu jgħammar fil-​belt tar-​refuġju tiegħu sal-​mewt tal-​qassis il-​kbir,+ u wara li jmut il-​qassis il-​kbir, dak li joqtol ikun jistaʼ jmur lura lejn l-​art li tkun tiegħu. 29  U dawn iservu għalikom bħala statut għall-​ġudizzju matul il-​ġenerazzjonijiet tagħkom fil-​postijiet kollha fejn tgħammru intom. 30  “‘Kulmin jaħbat għal xi ħadd u joqtlu għandu jinqatel bħala qattiel+ skond fomm ix-​xhieda,+ u xhud wieħed ma jistax jixhed kontra xi ħadd biex dan imut. 31  U tieħdu ebda fidwa għall-​ħajja taʼ qattiel li ħaqqu jmut,+ għax żgur li għandu jingħata l-​mewt.+ 32  U tiħdux fidwa għal dak li jaħrab lejn il-​belt tar-​refuġju, ħalli jkun jistaʼ jerġaʼ jmur jgħammar f’artu qabel il-​mewt tal-​qassis il-​kbir. 33  “‘U tniġġsux l-​art li qegħdin fiha; għaliex hu d-​demm li jniġġes l-​art,+ u għall-​art m’hemm ebda tpattija għad-​demm li jkun ixxerred fuqha ħlief bid-​demm taʼ dak li xerrdu.+ 34  U tniġġsux l-​art li qed tgħammru fiha u li jien qed ngħammar f’nofsha; għax jien Ġeħova qed ngħammar f’nofs ulied Israel.’”+

Noti taʼ taħt

Letteralment “ruħ.” F’versi 15 u 30 ukoll.