Numri 22:1-41

22  Imbagħad ulied Israel telqu u kkampjaw fil-​pjanuri tad-​deżert taʼ Mowab,+ din in-​naħa tal-​Ġordan, in-​naħa l-​oħra taʼ Ġeriko.  U Balak,+ bin Siffur, ra kulma Israel kien għamel lill-​Amurrin.  U Mowab beżaʼ ħafna mill-​poplu, għax kienu ħafna; u Mowab beda jħossu jitkexkex minħabba wlied Israel.+  U Mowab qal lix-​xjuħ taʼ Midjan:+ “Issa din il-​ġemgħa se tiblaʼ l-​inħawi kollha tagħna bħalma l-​barri jiblaʼ l-​ħdura tar-​rabaʼ.” U Balak,+ bin Siffur, kien is-​sultan taʼ Mowab dik il-​ħabta.  Hu issa bagħat xi messaġġiera għand Balgħam,+ bin Begħor, f’Petor,+ li qiegħda ħdejn ix-​Xmara*+ fl-​art taʼ wlied il-​poplu tiegħu, biex isejħulu u jgħidulu: “Ara! Poplu ħareġ mill-​Eġittu. Ara! Ksew l-​art safejn wieħed jistaʼ jara b’għajnejh,+ u qed jgħammru preċiż quddiemi.  U issa ejja, jekk jogħġbok; isħet+ lil dawn in-​nies għalija, għax huma iktar setgħanin minni. Forsi nkun nistaʼ negħlibhom u nkeċċihom ’il barra mill-​pajjiż; għax jien naf tajjeb li lil min tbierek ikun imbierek u lil min tisħet ikun misħut.”+  Għalhekk, ix-​xjuħ taʼ Mowab u x-​xjuħ taʼ Midjan ivvjaġġaw bil-​ħlas għat-​teħbir+ f’idejhom u marru għand Balgħam+ u qalulu kliem Balak.  U hu qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk dan il-​lejl, u jien inwiġibkom skond dak li jgħidli Ġeħova.”+ U l-​prinċpijiet taʼ Mowab qagħdu maʼ Balgħam.  Imbagħad Alla ġie għand Balgħam u qallu:+ “Min huma dawn l-​irġiel li hawn miegħek?” 10  Għalhekk, Balgħam qal lill-​Alla l-​veru: “Balak,+ bin Siffur, is-​sultan taʼ Mowab, bagħat jgħidli, 11  ‘Ara! Hawn huma n-​nies li ħarġu mill-​Eġittu u li qed jiksu l-​art safejn tistaʼ tara b’għajnejk.+ Issa ejja, isħithom għalija.+ Forsi nkun nistaʼ niġġieled kontrihom u nkeċċihom ’il barra.’” 12  Imma Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom. Tisħithomx in-​nies,+ għax huma mberkin.”+ 13  Wara dan, Balgħam qam fil-​għodu u qal lill-​prinċpijiet taʼ Balak: “Morru pajjiżkom, għaliex Ġeħova ma ħallinix niġi magħkom.” 14  Għalhekk, il-​prinċpijiet taʼ Mowab qamu u marru għand Balak u qalulu: “Balgħam ma riedx jiġi magħna.”+ 15  Madankollu, Balak reġaʼ bagħat għadd akbar taʼ prinċpijiet oħrajn u iktar onorabbli minn taʼ qabel. 16  U dawn ġew għand Balgħam u qalulu: “Hekk qal Balak, bin Siffur, ‘Jekk jogħġbok, tħallix xi jżommok milli tiġi għandi. 17  Għax jien żgur li se nonorak bil-​kbir,+ u kulma tgħidli jien nagħmlu.+ Għalhekk, ejja, jekk jogħġbok. Isħet lil dawn in-​nies għalija.’” 18  Imma Balgħam wieġeb u qal lill-​qaddejja taʼ Balak: “Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien xorta ma nkunx nistaʼ nikser l-​ordni taʼ Ġeħova Alla tiegħi, sabiex nagħmel xi ħaġa żgħira jew kbira.+ 19  U issa, jekk jogħġobkom, oqogħdu hawnhekk intom ukoll dan il-​lejl biex inkun naf x’se jgħidli iktar Ġeħova.”+ 20  Imbagħad Alla ġie għand Balgħam bil-​lejl u qallu: “Jekk l-​irġiel ġew biex isejħulek, qum, u mur magħhom. Imma qis li tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.”+ 21  U Balgħam qam fil-​għodu u xedd is-​sarġ lill-​ħmara tiegħu u mar mal-​prinċpijiet taʼ Mowab.+ 22  U xegħlet ir-​rabja t’Alla għaliex hu kien sejjer; u l-​anġlu taʼ Ġeħova qagħad fit-​triq biex iżommu.+ U hu kien riekeb fuq il-​ħmara tiegħu, u miegħu kien hemm tnejn mill-​qaddejja tiegħu. 23  U l-​ħmara rat l-​anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-​triq b’sejfu mislut f’idu;+ u l-​ħmara pprovat tilwi mit-​triq biex tmur fl-​għalqa, imma Balgħam beda jsawwat lill-​ħmara biex terġaʼ tilwi għal ġot-​triq. 24  U l-​anġlu taʼ Ġeħova baqaʼ wieqaf fil-​mogħdija d-​dejqa bejn l-​għelieqi tad-​dwieli, b’ħajt tal-​ġebel fuq din in-​naħa u ħajt tal-​ġebel fuq in-​naħa l-​oħra. 25  U l-​ħmara baqgħet tara l-​anġlu taʼ Ġeħova u tintrass mal-​ħajt, u b’hekk lil Balgħam rassitlu siequ mal-​ħajt; u beda jsawwatha iktar. 26  L-anġlu taʼ Ġeħova issa reġaʼ għaddiehom u qagħad f’post dejjaq, fejn ma kienx hemm fejn tilwi lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug. 27  Meta l-​ħmara rat l-​anġlu taʼ Ġeħova nxteħtet fl-​art taħt Balgħam; u xegħlet ir-​rabja+ taʼ Balgħam u baqaʼ jsawwat lill-​ħmara bil-​ħatar tiegħu. 28  Fl-aħħar, Ġeħova fetaħ fomm il-​ħmara+ u din qalet lil Balgħam: “X’għamiltlek biex sawwattni dawn it-​tliet darbiet?”+ 29  U Balgħam wieġeb lill-​ħmara: “Għax għaddejtni biż-​żmien. Kieku kelli sejf f’idi, s’issa qtiltek!”+ 30  Imbagħad il-​ħmara qalet lil Balgħam: “M’iniex jien il-​ħmara tiegħek li rkibt fuqha għomrok kollu sa dan il-​jum? Qatt xi darba għamiltlek hekk?”+ Qalilha: “Le!” 31  U Ġeħova fetaħ għajnejn+ Balgħam, u dan ra l-​anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-​triq bis-​sejf tiegħu mislut f’idu. Minnufih hu miel u nxteħet wiċċu fl-​art. 32  Imbagħad l-​anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Għala sawwattha dawn it-​tliet darbiet lill-​ħmara tiegħek? Ara! Jien—jien ħriġt biex niqaflek, għaliex triqtek hi ferm kontra r-​rieda tiegħi.+ 33  U l-​ħmara ratni u pprovat tilwi minn quddiemi dawn it-​tliet darbiet.+ X’kien jiġri kieku ma lwietx minn quddiemi? Kieku s’issa żgur qtiltek lilek,+ imma lilha kont inħalliha ħajja.” 34  U Balgħam qal lill-​anġlu taʼ Ġeħova: “Jien dnibt,+ għax ma kontx naf li kien hemm int wieqaf fit-​triq biex tiltaqaʼ miegħi. U issa, jekk dan hu ħażin f’għajnejk, ħallini mmur lura.” 35  Imma l-​anġlu taʼ Ġeħova qal lil Balgħam: “Mur maʼ dawn l-​irġiel;+ u qis li tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.”+ U Balgħam baqaʼ sejjer mal-​prinċpijiet taʼ Balak. 36  Meta Balak semaʼ li kien ġie Balgħam, mill-​ewwel ħareġ jilqgħu fil-​belt taʼ Mowab, li qiegħda fuq ix-​xatt taʼ l-​Arnon, li qiegħed f’tarf it-​territorju.+ 37  Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “Ma bgħattx jien, fil-​fatt, insejjaħlek? Għala ma ġejtx għandi? M’għandix jien tassew il-​ħila nonorak?”+ 38  U Balgħam qal lil Balak: “Ara! Issa ġejt għandek. Nistaʼ jien, fil-​fatt, ngħid xi ħaġa?+ Il-​kelma li Alla jqegħedli f’fommi se ngħid.”+ 39  Għalhekk, Balgħam mar maʼ Balak u waslu Kirjat-ħusot. 40  U Balak offra bħala sagrifiċċju baqar u nagħaġ+ u bagħat minnhom lil Balgħam u lill-​prinċpijiet li kienu miegħu. 41  U ġara li fil-​għodu Balak ħa lil Balgħam u tellgħu fuq Bamot-bagħal,+ biex minn hemmhekk ikun jistaʼ jara n-​nies kollha.+

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, l-​Ewfrat.