Numri 20:1-29

20  U wlied Israel, il-​ġemgħa kollha kemm hi, waslu fix-​xagħri taż-​Żin+ fl-​ewwel xahar, u n-​nies bdew jgħammru f’Kades.+ Hemmhekk mietet Mirjam+ u hemmhekk difnuha.  Issa ma kienx hemm ilma għall-​ġemgħa,+ u bdew jinġemgħu kontra Mosè u Aron.+  U n-​nies bdew jitlewmu+ maʼ Mosè u jgħidulu: “Mhux li mitna meta mietu ħutna quddiem Ġeħova!+  U għala ġibtu l-​kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan ix-​xagħri biex aħna u l-​bhejjem tat-​tagħbija tagħna mmutu hawnhekk?+  U għala tellajtuna mill-​Eġittu biex iġġibuna f’dan il-​post mill-​agħar?+ F’dan il-​post la hawn żerriegħa, la tin, la dwieli, la rummien,+ u lanqas ilma x’nixorbu.”  Imbagħad Mosè u Aron telqu minn quddiem il-​kongregazzjoni u marru ħdejn id-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa u nxteħtu wiċċhom fl-​art,+ u bdiet tidhrilhom il-​glorja taʼ Ġeħova.+  U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu:  “Ħu l-​ħatar+ u iġbor il-​ġemgħa flimkien, int u ħuk Aron, u kellmu lill-​blata quddiem għajnejhom u din trid tagħti l-​ilma tagħha; u int oħorġilhom l-​ilma mill-​blata u isqi lill-​ġemgħa u lill-​bhejjem tat-​tagħbija tagħhom.”+  Għalhekk, Mosè ħa l-​ħatar minn quddiem Ġeħova,+ sewwasew bħalma kien ikkmandah. 10  Imbagħad Mosè u Aron ġabru l-​kongregazzjoni flimkien quddiem il-​blata, u qalilhom: “Isimgħu, issa, ja ribelli!+ Minn din il-​blata triduna noħorġulkom l-​ilma?”+ 11  U Mosè għolla idu u ħabbat darbtejn bil-​ħatar tiegħu fuq il-​blata; u beda ħiereġ ħafna ilma, u l-​ġemgħa u l-​bhejjem tat-​tagħbija tagħhom bdew jixorbu.+ 12  Iktar tard Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Talli ma wrejtux il-​fidi fija biex tqaddsuni+ quddiem għajnejn ulied Israel, m’intomx se ddaħħlu lil din il-​kongregazzjoni fl-​art li se nagħtihom.”+ 13  Dawn huma l-​ilmijiet taʼ Meriba,+ għaliex ulied Israel tlewmu maʼ Ġeħova, u b’hekk tqaddes fosthom. 14  Għaldaqstant, Mosè bagħat xi messaġġiera minn Kades għand is-​sultan t’Edom:+ “Hekk qal ħuk Israel,+ ‘Int taf tajjeb bit-​tbatija kollha li ġiet fuqna.+ 15  U missirijietna niżlu l-​Eġittu,+ u bqajna ngħammru l-​Eġittu ħafna jiem;+ u l-​Eġizzjani bdew jagħmlulna l-​ħsara lilna u lil missirijietna.+ 16  Fl-aħħar għajjatna lil Ġeħova+ u hu semaʼ leħinna u bagħat anġlu+ u ħariġna mill-​Eġittu; u hawn aħna f’Kades, belt f’tarf it-​territorju tiegħek. 17  Jekk jogħġbok, ħa ngħaddu minn ġo artek. M’aħniex se ngħaddu minn ġo xi għalqa jew qasam tad-​dwieli, u m’aħniex se nixorbu l-​ilma minn xi bir. Minn triq is-​sultan se ngħaddu.+ M’aħniex se nduru lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug,+ sakemm ngħaddu minn ġot-​territorju tiegħek.’” 18  Madankollu, Edom qallu: “Tgħaddix minn ġo arti, li ma mmurx noħroġ niltaqaʼ miegħek bis-​sejf.” 19  U wlied Israel qalulu: “Mit-​triq ewlenija se nitilgħu; u jekk jien u l-​bhejjem tiegħi nixorbu mill-​ilma tiegħek, ibqaʼ ċert li nagħtik kemm jiswa.+ Ma rrid xejn iktar ħlief li ngħaddi bil-​mixi.”+ 20  Qallu: “M’intix se tgħaddi.”+ U ħareġ Edom+ jiltaqaʼ miegħu b’kotra kbira ħafna u b’id b’saħħitha. 21  Għaldaqstant, Edom ma riedx iħalli lil Israel jgħaddi minn ġot-​territorju tiegħu.+ B’hekk, Israel tbiegħed minnu.+ 22  U wlied Israel, il-​ġemgħa kollha kemm hi, telqu minn Kades+ u waslu ħdejn il-​Muntanja Ħor.+ 23  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron biswit il-​Muntanja Ħor qrib il-​fruntiera taʼ l-​art t’Edom: 24  “Aron se jinġabar maʼ niesu,+ għax mhux se jidħol fl-​art li se nagħti lil ulied Israel, minħabba li intom irribellajtu kontra l-​ordni tiegħi rigward l-​ilmijiet taʼ Meriba.+ 25  Ħu lil Aron u lil ibnu Elegħażar u tellagħhom fuq il-​Muntanja Ħor. 26  U lil Aron neżżagħlu ħwejġu,+ u libbishom lil ibnu Elegħażar;+ u Aron jinġabar u jmut hemmhekk.”+ 27  Għalhekk, Mosè għamel sewwasew bħalma kien ikkmandah Ġeħova; u quddiem għajnejn il-​ġemgħa kollha telgħu fuq il-​Muntanja Ħor. 28  Imbagħad Mosè neżżaʼ l-​ħwejjeġ lil Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar, u mbagħad Aron miet hemmhekk fuq il-​quċċata tal-​muntanja.+ U Mosè u Elegħażar niżlu minn fuq il-​muntanja. 29  U l-​ġemgħa kollha rat li Aron kien miet, u d-​dar kollha taʼ Israel baqgħet tibki lil Aron għal tletin jum.+

Noti taʼ taħt