Numri 19:1-22
19 U Ġeħova kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:
2 “Dan hu statut tal-liġi li kkmanda Ġeħova, billi qal, ‘Kellem lil ulied Israel biex iġibulek baqra ħamra b’saħħitha li fiha m’hemm ebda difett+ u li fuqha ma tqiegħed ebda madmad.+
3 U agħtuha lil Elegħażar, il-qassis, u dan irid joħroġha ’l barra mill-kamp, u trid tinqatel quddiemu.
4 Imbagħad Elegħażar, il-qassis, irid jieħu ftit minn demmha b’sebgħu u dan id-demm iroxxu sebaʼ darbiet+ dritt lejn in-naħa taʼ quddiem tat-tinda tal-laqgħa.
5 U l-baqra trid tinħaraq taħt għajnejh. Il-ġilda tagħha u laħamha u demmha flimkien mal-ħmieġ tagħha jridu jinħarqu.+
6 U l-qassis irid jieħu l-injam taċ-ċedru+ u ż-żuf+ u l-materjal lewn l-iskarlat*+ u jixħithom f’nofs il-ħuġġieġa tal-baqra.
7 U l-qassis irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u wara jkun jistaʼ jidħol fil-kamp; imma l-qassis ma jkunx nadif sa fil-għaxija.
8 “‘U dak li ħaraqha jaħsel ħwejġu fl-ilma u jinħasel fl-ilma,+ u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.
9 “‘U raġel nadif irid jiġbor l-irmied+ tal-baqra u jqiegħdu ’l barra mill-kamp f’post nadif; u, għall-ġemgħa taʼ wlied Israel, dan l-irmied ikun bħala xi ħaġa li trid tinżamm għall-ilma għat-tindif.+ Din hi offerta għad-dnub.
10 U dak li jiġbor l-irmied tal-baqra jrid jaħsel ħwejġu u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+
“‘U dan irid iservi bħala statut għal żmien indefinit għal ulied Israel u għar-resident barrani+ li qed jgħammar bħala barrani f’nofshom.
11 Kulmin imiss il-katavru taʼ xi bniedem+ ma jkunx nadif ukoll għal sebat ijiem.+
12 Xi ħadd bħal dan għandu jippurifika lilu nnifsu bl-ilma għat-tindif fit-tielet jum,+ u fis-sebaʼ jum ikun nadif. Imma jekk ma jippurifikax lilu nnifsu fit-tielet jum, imbagħad fis-sebaʼ jum ma jkunx nadif.
13 Kulmin imiss katavru, ir-ruħ taʼ kwalunkwe bniedem li jmut, u ma jippurifikax lilu nnifsu, ikun niġġes it-tabernaklu+ taʼ Ġeħova, u din ir-ruħ trid tiġi maqtugħa minn maʼ Israel.+ Peress li l-ilma għat-tindif+ ma ġiex imraxxax fuqu, hu jibqaʼ mhux nadif. In-nuqqas taʼ ndafa tiegħu għadu fuqu.+
14 “‘Din hi l-liġi fil-każ li raġel imut f’tinda: Kulmin jidħol fit-tinda, u kulmin ikun fit-tinda, ma jkunx nadif għal sebat ijiem.
15 U kull reċipjent+ miftuħ li fuqu ma jkollux għatu marbut miegħu ma jkunx nadif.
16 U kulmin ikun fil-kampanja u jmiss lil xi ħadd maqtul bis-sejf+ jew xi katavru jew xi għadma+ taʼ bniedem jew qabar ma jkunx nadif għal sebat ijiem.
17 U għal min ma jkunx nadif iridu jieħdu ftit mill-irmied tal-ħruq taʼ l-offerta għad-dnub u jpoġġu l-ilma ġieri fuqu ġo reċipjent.
18 Imbagħad raġel nadif+ jieħu ż-żuf+ u jbillu fl-ilma u jroxxu fuq it-tinda u fuq ir-reċipjenti kollha u fuq in-nies* li jkunu hemmhekk u fuq dak li jkun mess l-għadma jew il-maqtul jew il-katavru jew il-qabar.
19 U l-individwu nadif irid iroxxu fuq dak li ma jkunx nadif fit-tielet u fis-sebaʼ jum u jrid jippurifikah mid-dnub fis-sebaʼ jum;+ u dak li ma jkunx nadif irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif fil-għaxija.
20 “‘Imma r-raġel li ma jkunx nadif u li ma jippurifikax lilu nnifsu, iva, din ir-ruħ trid tiġi maqtugħa+ minn nofs il-kongregazzjoni, għaliex niġġes is-santwarju taʼ Ġeħova. L-ilma għat-tindif ma traxxaxx fuqu. Ma jkunx nadif.
21 “‘U dan iservi bħala statut għal żmien indefinit għalihom, li dak li jraxxax l-ilma għat-tindif għandu jaħsel ħwejġu,+ kif ukoll dak li jmiss l-ilma għat-tindif. Ma jkunx nadif sa fil-għaxija.
22 U kull ħaġa li jmiss dak li mhux nadif ma tkunx nadifa,+ u r-ruħ li tmissha ma tkunx nadifa sa fil-għaxija.’”+