Numri 14:1-45

14  Imbagħad il-​ġemgħa kollha għolliet leħinha, u n-​nies baqgħu jgħajtu u jibku+ dak il-​lejl kollu.  U l-​ulied kollha taʼ Israel bdew igergru kontra Mosè u Aron,+ u l-​ġemgħa kollha bdiet tgħid kontrihom: “Mhux li mitna fl-​art taʼ l-​Eġittu, jew mhux li mitna f’dan ix-​xagħri!  U Ġeħova għala qed jiħodna f’din l-​art biex immutu bis-​sejf?+ In-​nisa u ċ-​ċkejknin tagħna se jinħatfu bħala priża.+ M’huwiex aħjar għalina jekk immorru lura l-​Eġittu?”+  Huma saħansitra waslu biex jgħidu lil xulxin: “Ejja naħtru kap, u mmorru lura l-​Eġittu!”+  Għal dan, Mosè u Aron inxteħtu wiċċhom+ fl-​art quddiem il-​kongregazzjoni kollha tal-​ġemgħa taʼ wlied Israel.  U Ġożwè, bin Nun,+ u Kaleb, bin Ġefunne,+ li kienu fost dawk li tkixxfu l-​art, ċarrtu ħwejjiġhom,+  u lill-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel qalulha dan: “L-​art li għaddejna minnha biex nitkixxfuha, hija art tajba ħafna u ħafna.+  Jekk Ġeħova kuntent bina,+ żgur li jdaħħalna f’din l-​art u jagħtihielna; hija art li tnixxi ħalib u għasel.+  Biss tirribellawx kontra Ġeħova;+ u tibżgħux min-​nies tal-​pajjiż,+ għax huma bħal ħobż għalina. Il-​kenn tagħhom tbiegħed minn fuqhom,+ u Ġeħova hu magħna.+ Tibżgħux minnhom.”+ 10  Madankollu, il-​ġemgħa kollha qalet biex iħaġġruhom.+ U l-​glorja taʼ Ġeħova dehret fuq it-​tinda tal-​laqgħa lill-​ulied kollha taʼ Israel.+ 11  Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se jdumu+ dawn in-​nies ma jurunix rispett,+ u kemm se jdumu jirrifjutaw li jpoġġu l-​fidi fija minkejja s-​sinjali kollha li wettaqt fosthom?+ 12  Ħa nolqothom bil-​pesta u nkeċċihom, u ħa nagħmel lilek ġens akbar u iktar setgħan minnhom.”+ 13  Imma Mosè qal lil Ġeħova: “Imbagħad l-​Eġizzjani, li minn ġo nofshom int bil-​qawwa tiegħek ħriġt lil dan il-​poplu, se jisimgħu dan.+ 14  U se jgħiduh lill-​abitanti taʼ din l-​art. Huma semgħu li int, Ġeħova, qiegħed qalb dan il-​poplu,+ u li tidher wiċċ imbwiċċ.+ Semgħu li int Ġeħova, u li s-​sħaba tiegħek qiegħda fuqhom, u li int timxi quddiemhom f’kolonna tas-​sħab bi nhar u f’kolonna tan-​nar bil-​lejl.+ 15  Li kieku kellek toqtol lil dan il-​poplu f’daqqa bħal bniedem wieħed,+ il-​ġnus li semgħu bil-​fama tiegħek żgur li jgħidu dan, 16  ‘Peress li Ġeħova ma kellux il-​ħila jdaħħal lil dan il-​poplu fl-​art li kien ħalfilhom dwarha, qatilhom fix-​xagħri.’+ 17  U issa, jekk jogħġbok, ħa jidher il-​kobor tal-​qawwa tiegħek,+ O Ġeħova, sewwasew bħalma tkellimt, u għedt, 18  ‘Ġeħova, bil-​mod biex jirrabja+ u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba,+ jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi,+ imma bl-​ebda mod ma jeħles lil dak li jkun mill-​kastig,+ u jġib il-​kastig għall-​iżball tal-​missirijiet fuq l-​ulied, fuq it-​tielet ġenerazzjoni u fuq ir-​rabaʼ ġenerazzjoni.’+ 19  Jekk jogħġbok, aħfer l-​iżball taʼ dan il-​poplu skond il-​kobor tal-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, u bħalma ħfirt lil dan il-​poplu mindu ħareġ mill-​Eġittu s’issa.”+ 20  Imbagħad Ġeħova qal: “Jien fil-​fatt se naħfer skond kelmtek.+ 21  U, mill-​banda l-​oħra, daqskemm jien ħaj, l-​art kollha se timtela bil-​glorja taʼ Ġeħova.+ 22  Imma l-​irġiel kollha li raw il-​glorja+ tiegħi u s-​sinjali+ li wettaqt fl-​Eġittu u fix-​xagħri, u madankollu baqgħu jgħadduni minn prova+ dawn l-​għaxar darbiet, u ma semgħux minn leħni,+ 23  qatt ma se jaraw l-​art li dwarha ħlift lil missirijiethom, iva, dawk li m’humiex juruni rispett mhux se jarawha.+ 24  Imma għax il-​qaddej tiegħi Kaleb+ wera li kellu spirtu differenti u mexa għalkollox warajja,+ jien żgur li ndaħħlu fl-​art li mar fiha, u nislu se jiħodha f’idejh.+ 25  Waqt li l-​Għamalekin u l-​Kangħanin+ qed jgħammru fil-​pjanura l-​baxxa, intom għada duru u itilqu biex tmorru fix-​xagħri mit-​triq li tagħti għall-​Baħar l-​Aħmar.”+ 26  U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè u lil Aron u jgħidilhom: 27  “Kemm se ddum din il-​ġemgħa mill-​agħar tgerger kontrija?+ Jien smajt it-​tgergir taʼ wlied Israel li qed igergru kontrija.+ 28  Għidilhom, ‘“Daqskemm jien ħaj,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “preċiż bħalma smajtkom tgħidu, hekk se nagħmlilkom!+ 29  F’dan ix-​xagħri jaqgħu l-​iġsma mejtin tagħkom,+ iva, dawk kollha li ġew reġistrati minn fostkom, minn għoxrin sena ’l fuq, intom li gergirtu kontrija.+ 30  Intom, iva, intom, ma tidħlux fl-​art li jien għollejt idi+ b’ħalfa biex ngħammar magħkom fiha, ħlief Kaleb, bin Ġefunne, u Ġożwè, bin Nun.+ 31  “‘“U ċ-​ċkejknin tagħkom li għedtu li se jinħatfu bħala priża,+ lil dawn ukoll se ndaħħalhom, u huma tabilħaqq li se jaraw l-​art li ċħadtu intom.+ 32  Imma l-​iġsma mejtin tagħkom stess se jaqgħu f’dan ix-​xagħri.+ 33  U wliedkom isiru rgħajja fix-​xagħri+ għal erbgħin sena, u jkollhom iwieġbu għaż-​żína tagħkom,+ sakemm l-​iġsma mejtin tagħkom jintemmu fix-​xagħri.+ 34  Skond l-​għadd tal-​jiem li fihom tkixxiftu l-​art, erbgħin jum,+ jum għal sena, jum għal sena,+ tridu twieġbu għall-​iżbalji tagħkom għal erbgħin sena,+ biex tkunu tafu x’jiġifieri li jien sirt barrani għalikom.+ 35  “‘“Jien, Ġeħova, tkellimt dan: żgur li hekk se nagħmlilha lil din il-​ġemgħa mill-​agħar kollha,+ dawk li nġemgħu flimkien kontrija: F’dan ix-​xagħri se jintemmu, u hemmhekk se jmutu.+ 36  U l-​irġiel li ntbagħtu minn Mosè biex jitkixxfu l-​art u li, meta reġgħu lura, ġiegħlu lill-​ġemgħa kollha tgerger kontrih, billi ġabu rapport ħażin kontra l-​art,+ 37  iva, l-​irġiel li ġabu r-​rapport ħażin dwar l-​art se jmutu minħabba l-​flaġell mingħand Ġeħova.+ 38  Imma, minn dawk l-​irġiel li marru jitkixxfu l-​art, Ġożwè, bin Nun, u Kaleb, bin Ġefunne, żgur li jibqgħu ħajjin.”’”+ 39  Meta Mosè qal dan il-​kliem lill-​ulied kollha taʼ Israel, in-​nies bdew jitnikktu ferm.+ 40  Iktar minn hekk, qamu kmieni fil-​għodu u pprovaw jitilgħu sal-​quċċata tal-​muntanja, u qalu: “Hawn aħna, u se nitilgħu lejn il-​post li semma Ġeħova. Għax dnibna.”+ 41  Imma Mosè qalilhom: “Għala qed tiksru l-​ordni taʼ Ġeħova?+ Dan xejn ma jiswielkom. 42  Titilgħux, għax Ġeħova mhux qiegħed f’nofskom, li ma tiġux megħlubin mill-​għedewwa tagħkom.+ 43  Għax l-​Għamalekin u l-​Kangħanin qegħdin hemmhekk quddiemkom;+ u intom żgur li se tmutu bis-​sejf, għaliex, minħabba li dortu lura u ma bqajtux timxu wara Ġeħova, Ġeħova mhux se jibqaʼ magħkom.”+ 44  Madankollu, huma webbsu rashom biex jitilgħu sal-​quċċata tal-​muntanja,+ imma kemm l-​arka tal-​patt taʼ Ġeħova u kemm Mosè ma ċċaqalqux minn nofs il-​kamp.+ 45  Imbagħad l-​Għamalekin+ u l-​Kangħanin li kienu qed jgħammru fuq dik il-​muntanja niżlu u bdew jidorbuhom u xerrduhom sa Ħorma.+

Noti taʼ taħt