Numri 13:1-33

13  Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu:  “Ibgħat xi rġiel biex jitkixxfu l-​art taʼ Kangħan, li jien qed nagħti lil ulied Israel.+ Ibagħtu raġel wieħed għal kull tribù taʼ missirijietu, kull wieħed kap ewlieni+ fosthom.”  Għalhekk, Mosè bagħathom mix-​xagħri tal-​Faran+ skond l-​ordni taʼ Ġeħova. L-​irġiel kollha kienu kapijiet taʼ wlied Israel.  U dawn huma l-​ismijiet tagħhom: Mit-​tribù taʼ Ruben, Sammugħa, bin Żakkur;  mit-tribù taʼ Simegħon, Safat, bin Ħori;  mit-tribù taʼ Ġuda, Kaleb,+ bin Ġefunne;  mit-tribù taʼ Issakar, Igal, bin Ġużeppi;  mit-tribù taʼ Efrajm, Ħosegħa,+ bin Nun;  mit-tribù taʼ Benjamin, Palti, bin Rafu; 10  mit-tribù taʼ Żebulun, Gaddjel, bin Sodi; 11  mit-tribù taʼ Ġużeppi,+ għat-​tribù taʼ Manasse,+ Gaddi, bin Susi; 12  mit-tribù taʼ Dan, Għammijel, bin Gemalli; 13  mit-tribù t’Aser, Setur, bin Mikiel; 14  mit-tribù taʼ Naftali, Naħbi, bin Vofsi; 15  mit-tribù taʼ Gad, Gewel, bin Maki. 16  Dawn huma l-​ismijiet taʼ l-​irġiel li Mosè bagħat biex jitkixxfu l-​art. U Mosè baqaʼ jsejjaħ lil Ħosegħa, bin Nun, Ġeħosugħa.*+ 17  Meta kien qed jibgħathom biex jitkixxfu l-​art taʼ Kangħan, Mosè qalilhom: “Itilgħu hawnhekk fin-​Negeb,+ u tridu titilgħu fir-​reġjun muntanjuż.+ 18  U araw kif inhi l-​art+ u n-​nies li qed jgħammru fiha, jekk humiex b’saħħithom jew dgħajfin, jekk humiex ftit jew ħafna; 19  u kif inhi l-​art li qed jgħammru fiha, jekk hix tajba jew ħażina, u kif inhuma l-​bliet li qed jgħammru fihom, jekk hux bil-​kampijiet jew bil-​fortifikazzjonijiet; 20  u kif inhi l-​art, jekk hix għammiela jew ħawlija,+ jekk fihiex siġar jew le. U tridu turu li intom kuraġġużi+ u tieħdu ftit mill-​frott taʼ l-​art.” Issa ż-​żmien kien żmien l-​ewwel frott misjur taʼ l-​għeneb.+ 21  Għalhekk, telgħu u tkixxfu l-​art mix-​xagħri taż-​Żin+ sa Reħob,+ sad-​daħla taʼ Ħamat.+ 22  Meta telgħu fin-​Negeb,+ imbagħad waslu Ħebron.+ U hemmhekk kien hemm Aħiman, Sesaj, u Talmaj,+ ulied Għanak.+ Issa Ħebron+ kienet inbniet sebaʼ snin qabel Sogħan+ taʼ l-​Eġittu. 23  Meta waslu fil-​wied* t’Eskol,+ qatgħu minn hemmhekk rimja b’għanqud għeneb wieħed.+ U ġarrewha fuq lasta bejn tnejn mill-​irġiel, u ġarrew ukoll ftit rummien+ u ftit tin. 24  Dak il-​post semmewh il-​wied t’Eskol,+ minħabba l-​għanqud li wlied Israel qatgħu minn hemmhekk. 25  Sa fl-​aħħar, wara erbgħin jum,+ reġgħu lura milli jitkixxfu l-​art. 26  Għalhekk, imxew u waslu ħdejn Mosè u Aron u l-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel fix-​xagħri tal-​Faran, f’Kades.+ U qalulhom b’kollox, lilhom u lill-​ġemgħa kollha, u wrewhom il-​frott taʼ l-​art. 27  U rrakkontawlu u qalulu: “Dħalna fl-​art li bgħattna fiha, u din tabilħaqq li tnixxi ħalib u għasel,+ u dan hu l-​frott tagħha.+ 28  Minkejja dan, il-​fatt hu li n-​nies li jgħammru fl-​art huma b’saħħithom, u l-​bliet fortifikati huma kbar ħafna;+ u, barra minn hekk, hemmhekk rajna lil ulied Għanak.+ 29  L-Għamalekin+ qed jgħammru fl-​art tan-​Negeb,+ u l-​Ħittin u l-​Ġebusin+ u l-​Amurrin+ qed jgħammru fir-​reġjun muntanjuż, u l-​Kangħanin+ qed jgħammru ħdejn il-​baħar u mal-​ġenb tal-​Ġordan.” 30  Imbagħad Kaleb+ ipprova jsikket lill-​poplu quddiem Mosè u ssokta jgħid: “Ejja nitilgħu minnufih, u niħduha f’idejna, għaliex żgur li nistgħu nirbħulha.”+ 31  Imma l-​irġiel li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux nitilgħu u naħbtu għall-​poplu, għaliex hu iktar b’saħħtu minna.”+ 32  U baqgħu jwasslulhom rapport ħażin+ lil ulied Israel dwar l-​art li kienu tkixxfu, u qalu: “L-​art, li għaddejna minnha biex nitkixxfuha, hija art li tiblaʼ lill-​abitanti tagħha; u n-​nies kollha li rajna f’nofsha huma rġiel taʼ kobor straordinarju.+ 33  U hemmhekk rajna n-​Nefilim, ulied Għanak,+ li ġejjin min-​Nefilim; u b’hekk f’għajnejna stess dherna qisna ġurati, u l-​istess dherna f’għajnejhom.”+

Noti taʼ taħt

Ifisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”
Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt.