Mattew 9:1-38

9  U telaʼ fid-​dgħajsa, qasam għan-​naħa l-​oħra, u mar f’beltu.+  U, ara, ġabulu raġel paralizzat mixħut fuq sodda.+ X’ħin ra l-​fidi tagħhom Ġesù qal lill-​paralitiku: “Agħmel kuraġġ, ibni; dnubietek maħfurin.”+  U, ara, xi wħud mill-​iskribi qalu f’qalbhom: “Dan qed jidgħi.”+  Ġesù għaraf x’kienu qed jaħsbu+ u qalilhom: “Għala qed taħsbu l-​ħażin fi qlubkom?+  Per eżempju, x’inhu l-​eħfef, li tgħid, Dnubietek maħfurin, jew li tgħid, Qum u imxi?+  Iżda sabiex tkunu tafu li Bin il-​bniedem għandu awtorità fuq l-​art li jaħfer id-​dnubiet+—” imbagħad qal lill-​paralitiku: “Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-​dar.”+  U dan qam u telaq lejn daru.  Malli raw dan, il-​folol inħakmu mill-​biżaʼ, u gglorifikaw lil Alla,+ li ta din l-​awtorità+ lill-​bnedmin.  Imbagħad, waqt li kien għaddej minn hemmhekk, Ġesù lemaħ raġel li kien jismu Mattew bil-​qiegħda fl-​uffiċċju tat-​taxxi, u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.”+ Dak il-​ħin stess qam u mar warajh.+ 10  Iktar tard, waqt li kien qiegħed id-​dar+ mal-​mejda, ara, ġew ħafna kolletturi tat-​taxxi u midinbin u poġġew maʼ Ġesù u d-​dixxipli tiegħu. 11  Imma malli raw dan, il-​Fariżej bdew jgħidu lid-​dixxipli tiegħu: “L-​għalliem tagħkom għala jiekol mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin?”+ 12  Peress li semagħhom, qal: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib,+ imma l-​morda iva. 13  Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’+ Għax jien ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin.” 14  Imbagħad ġew għandu d-​dixxipli taʼ Ġwanni u staqsewh: “Għala aħna u l-​Fariżej insumu regolarment imma d-​dixxipli tiegħek ma jsumux?”+ 15  Għal dan, Ġesù qalilhom: “Il-​ħbieb taʼ l-​għarus m’għandhomx għalfejn jitnikktu dment li l-​għarus+ ikun magħhom, hux hekk? Imma jiġi żmien meta l-​għarus jittiħdilhom,+ u mbagħad isumu.+ 16  Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; għax is-​saħħa tar-​roqgħa tiġbed il-​libsa u t-​tiċrita tikber.+ 17  Lanqas ma jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud taʼ l-​inbid qodma; għax jekk jagħmlu hekk, il-​ġlud jinfaqgħu u l-​inbid jinxtered u l-​ġlud ma jibqgħux tajbin.+ Imma n-​nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda, u t-​tnejn jibqgħu tajbin.”+ 18  Waqt li kien qed jgħidilhom dawn l-​affarijiet, ara, wieħed ħakkiem+ li kien resaq lejh miel quddiemu+ u qallu: “S’issa binti żgur mietet;+ imma ejja u qiegħed idek fuqha, u terġaʼ tieħu l-​ħajja.”+ 19  Imbagħad Ġesù qam u mar warajh; hekk għamlu wkoll id-​dixxipli tiegħu. 20  U, ara, mara li kienet ilha tbati tnax-il sena bi tnixxija taʼ demm+ ġiet minn warajh u messitlu t-​tarf tal-​libsa;+ 21  għax hi bdiet tgħid f’qalbha: “Jekk imqar immisslu l-​libsa, infiq.”+ 22  Ġesù dar u induna biha u qalilha: “Agħmel kuraġġ, binti; il-​fidi tiegħek fejqitek.”+ U dak il-​ħin stess il-​mara fieqet.+ 23  Issa, meta daħal fid-​dar tal-​ħakkiem+ u lemaħ lid-​daqqaqa tal-​flawt u l-​folla f’konfużjoni sħiħa,+ 24  Ġesù qal: “Oħorġu, għax it-​tifla mhix mejta imma rieqda.”+ Għal dan bdew jiddieħqu bih.+ 25  Malli l-​folla ntbagħtet ’il barra, daħal u qabdilha idha,+ u t-​tifla qamet.+ 26  Naturalment, l-​aħbar dwar dan xterdet maʼ dak ir-​reġjun kollu. 27  Hekk kif Ġesù kien għaddej minn hemmhekk, marru warajh żewġt irġiel għomja,+ jgħajtu u jgħidu: “Ikollok ħniena minna,+ Bin David.” 28  Wara li daħal id-​dar, l-​għomja ġew għandu, u Ġesù staqsiehom: “Għandkom fidi+ li jien nistaʼ nagħmel dan?” Huma wiġbuh, “Iva, Mulej.” 29  Imbagħad messilhom għajnejhom+ u qalilhom: “Ħa jsirilkom skond il-​fidi tagħkom.” 30  U għajnejhom infetħu. Imbagħad Ġesù ordnalhom bis-​sħiħ u qalilhom: “Araw li ħadd ma jsir jaf b’dan.”+ 31  Imma wara li ħarġu barra, xandruh f’dak ir-​reġjun kollu.+ 32  Issa, meta kienu se jitilqu, ara, in-​nies ġabulu raġel mutu maħkum minn demonju;+ 33  u wara li tkeċċa d-​demonju, il-​mutu tkellem.+ U l-​folol baqgħu mistagħġbin+ u qalu: “Qatt ma dehret ħaġa bħal din f’Israel.” 34  Imma l-​Fariżej bdew jgħidu: “Dan ikeċċi d-​demonji bis-​saħħa tal-​ħakkiem tad-​demonji.”+ 35  U Ġesù mar idur il-​bliet u l-​irħula kollha, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.+ 36  Malli ra l-​folol tħassarhom,+ għax kienu maltrattati* u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.+ 37  Imbagħad qal lid-​dixxipli tiegħu: “Iva, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.+ 38  Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.”+

Noti taʼ taħt

Jew, “imqaxxrin u misluħin.”