Mattew 22:1-46

22  Ġesù reġaʼ qabad ikellimhom bit-​tixbihat u qalilhom:+  “Is-​saltna tas-​smewwiet saret bħal wieħed sultan li għamel festa tat-​tieġ+ għal ibnu.  U bagħat lill-​ilsiera tiegħu għal dawk li kienu mistidnin għall-​festa tat-​tieġ,+ imma dawn ma ridux jiġu.+  Jerġaʼ bagħat ilsiera oħrajn+ u qalilhom, ‘Għidu lill-​mistidnin: “Ara! Jien ħejjejt il-​pranzu tiegħi,+ il-​barrin u l-​bhejjem imsemmnin diġà maqtulin, u kollox għandi lest. Ejjew għall-​festa tat-​tieġ.”’+  Imma ma tawx kas, u kien hemm min telaq lejn l-​għalqa tiegħu, u min lejn in-​negozju tiegħu;+  imma l-​oħrajn qabdu lill-​ilsiera, insultawhom u qatluhom.+  “Għal dan, is-​sultan imtela bil-​korla, u bagħat l-​armati tiegħu u qered lil dawk il-​qattilin u ħarqilhom il-​belt tagħhom.+  Imbagħad qal lill-​ilsiera tiegħu, ‘Tabilħaqq, kollox lest għall-​festa tat-​tieġ, imma l-​mistidnin ma kienx jistħoqqilhom.+  Għalhekk, morru fit-​toroq li jagħtu għall-​belt, u lil kulmin issibu stidnuh għall-​festa tat-​tieġ.’+ 10  Għaldaqstant, dawn l-​ilsiera ħarġu fit-​toroq u ġabru lil kulmin sabu, ħżiena u tajbin;+ u s-​sala tat-​tieġ imtliet bin-​nies imdawrin mal-​mejda.+ 11  “Meta daħal jara l-​mistidnin, is-​sultan lemaħ fosthom raġel li ma kienx liebes libsa tat-​tieġ.+ 12  Għalhekk qallu, ‘Sieħbi, int kif dħalt hawnhekk mingħajr il-​libsa tat-​tieġ?’+ U dak tbikkem. 13  Imbagħad is-​sultan qal lill-​qaddejja tiegħu, ‘Orbtulu idejh u saqajh u itfgħuh barra fid-​dlam. Hemmhekk se jibki u jgħażżaż snienu.’+ 14  “Għax ħafna huma mistidnin, imma ftit magħżulin.”+ 15  Imbagħad il-​Fariżej telqu u ftiehmu bejniethom kif jonsbuh fi kliemu.+ 16  Għalhekk, bagħtu għandu lid-​dixxipli tagħhom, flimkien maʼ xi partitarji t’Erodi,+ u qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-​verità u tgħallem it-​triq t’Alla fil-​verità, u ma jimpurtak minn ħadd, għax ma tħarisx lejn kif il-​bnedmin jidhru minn barra.+ 17  Għalhekk għidilna, X’taħseb int? Huwa skond il-​liġi li tħallas it-​taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le?”+ 18  Imma Ġesù, billi kien jaf kemm kienu mill-​agħar, qalilhom: “Għala tipprovawni, ipokriti?+ 19  Uruni l-​munita tat-​taxxa.” Ġabulu dinar.* 20  U qalilhom: “Din ix-​xbieha u din l-​iskrizzjoni taʼ min huma?”+ 21  Qalulu: “Taʼ Ċesari.” Imbagħad qalilhom: “Għalhekk, agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”+ 22  Meta semgħu dan, baqgħu skantati, u ħallewh bi kwietu u telqu.+ 23  Dakinhar resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, u staqsewh:+ 24  “Għalliem, Mosè qal, ‘Jekk raġel imut mingħajr tfal, ħuh irid jiżżewweġ lill-​armla tiegħu u jqajjem nisel għal ħuh.’+ 25  Issa magħna kien hemm sebaʼ aħwa; u l-​ewwel wieħed iżżewweġ u miet, u, għax ma kellux ulied, ħalla lil martu għal ħuh.+ 26  Ġara l-​istess ukoll lit-​tieni u t-​tielet, sas-​sebaʼ wieħed.+ 27  Fl-aħħar mietet il-​mara wkoll. 28  Għaldaqstant, fl-​irxoxt, mart liema wieħed mis-​sebgħa se tkun? Għax kollha żżewġuha.”+ 29  Ġesù wieġeb u qalilhom: “Għandkom żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla;+ 30  għax fl-​irxoxt la l-​irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-​nisa ma jingħataw fiż-​żwieġ,+ imma jkunu bħall-​anġli fis-​sema. 31  Imma rigward l-​irxoxt tal-​mejtin, ma qrajtux dak li qalilkom Alla,+ 32  ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’?+ Hu mhux l-​Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin.”+ 33  Meta semgħu dan, il-​folol stagħġbu bit-​tagħlim tiegħu.+ 34  Wara li l-​Fariżej semgħu li kien għalaq ħalq is-​Sadduċej, inġemgħu flimkien. 35  U wieħed minnhom, li kien jaf il-​Liġi,+ biex jipprovah staqsieh: 36  “Għalliem, liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?”+ 37  Qallu: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’+ 38  Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament. 39  It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’+ 40  Fuq dawn iż-​żewġ kmandamenti żżomm il-​Liġi kollha, u l-​Profeti.”+ 41  Issa, waqt li l-​Fariżej kienu miġburin flimkien, Ġesù staqsiehom:+ 42  “X’taħsbu intom dwar il-​Kristu? Bin min hu?” Qalulu: “Bin David.”+ 43  Qalilhom: “Allura David, b’ispirazzjoni,+ kif isejjaħlu ‘Mulej’ u jgħid, 44  ‘Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek taħt saqajk”’?+ 45  Għalhekk, jekk David isejjaħlu ‘Mulej,’ kif inhu ibnu?”+ 46  U ħadd ma kien kapaċi jwieġbu, lanqas kelma waħda, u minn dakinhar ’il quddiem ħadd ma ssogra jistaqsih iktar.+

Noti taʼ taħt

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.