Mattew 20:1-34

20  “Għax is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal wieħed sid t’għalqa li ħareġ kmieni fil-​għodu biex isib ħaddiema għall-​għalqa tad-​dwieli tiegħu.+  Wara li ftiehem mal-​ħaddiema li jagħtihom dinar* kuljum,+ bagħathom fl-​għalqa tiegħu.  Ħareġ ukoll madwar it-​tielet siegħa*+ u ra oħrajn weqfin bla xogħol fis-​suq;+  u lil dawn qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-​għalqa tad-​dwieli, u nagħtikom dak li hu ġust.’  U dawn marru. Reġaʼ ħareġ għall-​ħabta tas-​sitt siegħa*+ u d-​disaʼ siegħa*+ u għamel l-​istess.  Fl-aħħarnett, madwar il-​ħdax-il siegħa* ħareġ u sab oħrajn weqfin, u qalilhom, ‘Għala qgħadtu weqfin hawnhekk il-​jum kollu bla xogħol?’  Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-​għalqa tad-​dwieli.’+  “X’ħin sar fil-​għaxija,+ sid l-​għalqa tad-​dwieli qal lil dak li kien qed jiħodlu ħsieb, ‘Sejjaħ lill-​ħaddiema u agħtihom il-​paga;+ ibda b’taʼ l-​aħħar u spiċċa b’taʼ l-​ewwel.’  Meta ġew l-​irġiel li bdew jaħdmu fil-​ħdax-il siegħa, ngħataw dinar kull wieħed. 10  Għalhekk, meta ġew taʼ l-​ewwel, ħasbu li kienu se jingħataw iktar; imma huma tħallsu wkoll bir-​rata taʼ dinar. 11  Malli ħaduh bdew igergru kontra s-​sid+ 12  u qalulu, ‘Dawn taʼ l-​aħħar taw siegħa xogħol u int xorta stmajthom daqsna li ssaportejna t-​toqol tal-​jum u s-​sħana tikwi!’ 13  Imma biex iwieġeb lil wieħed minnhom, qallu, ‘Sieħbi, lilek m’iniex nonqsok. Mhux dinar ftehemna li nagħtik?+ 14  Ħu dak li hu tiegħek u mur. Lil dan taʼ l-​aħħar irrid nagħtih daqskemm tajt lilek.+ 15  Ma nistax skond il-​liġi nagħmel li rrid bi ħwejġi? Jew għajnek hi mill-​agħar+ għax jien tajjeb?’+ 16  B’dan il-​mod, taʼ l-​aħħar jiġu l-​ewwel, u taʼ l-​ewwel l-​aħħar.”+ 17  Peress li issa kien wasal biex jitlaʼ Ġerusalemm, fit-​triq Ġesù kellem lit-​tnax-il dixxiplu+ waħedhom u qalilhom: 18  “Ara! Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u dawn jikkundannawh għall-​mewt,+ 19  u jagħtuh f’idejn in-​nies tal-​ġnus biex jiżżuffjettaw bih u jsawtuh u jsammruh maʼ zokk,+ u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.”+ 20  Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew+ maʼ wliedha u mielet quddiemu biex titolbu xi ħaġa.+ 21  Hu qalilha: “Xi trid?” Qaltlu: “Ordna li dawn iż-​żewġ uliedi joqogħdu bil-​qiegħda, wieħed fuq il-​lemin tiegħek u l-​ieħor fuq ix-​xellug, fis-​saltna tiegħek.”+ 22  Ġesù wieġeb u qalilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-​kies+ li dalwaqt nixrob jien?” Qalulu: “Nistgħu.” 23  Qalilhom: “Tassew li se tixorbu l-​kies tiegħi,+ imma li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.”+ 24  Meta l-​għaxra l-​oħra semgħu dan, xejn ma ħadu pjaċir biż-​żewġ aħwa.+ 25  Imma Ġesù sejħilhom lejh u qalilhom: “Intom tafu li l-​ħakkiema tal-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat għandhom awtorità fuqhom.+ 26  Dan m’għandux ikun fostkom;+ imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom,+ 27  u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​ilsir tagħkom.+ 28  Bħalma Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi+ u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”+ 29  Issa, waqt li kienu ħerġin minn Ġeriko,+ ġiet warajh folla kbira. 30  U, ara, żewġ għomja bil-​qiegħda mal-​ġenb tat-​triq, meta semgħu li kien għaddej Ġesù, bdew jgħajtu u jgħidu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!”+ 31  Imma n-​nies ċanfruhom biex jisktu; iżda huma iktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!”+ 32  Għalhekk, Ġesù waqaf, sejħilhom, u qalilhom: “Xi triduni nagħmlilkom?” 33  Qalulu: “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna.”+ 34  Ġesù ħassu mqanqal u tħassarhom, messilhom għajnejhom,+ u minnufih ħadu d-​dawl u marru warajh.+

Noti taʼ taħt

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.
Madwar id-​9 a.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.
Madwar nofsinhar.
Madwar it-​3 p.m.
Madwar il-​5 p.m.