Mattew 19:1-30

19  Issa, meta temm dan il-​kliem, Ġesù telaq mill-​Galilija u ġie fil-​fruntieri tal-​Lhudija, in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan.+  Ukoll, marru warajh folol kbar, u fejjaqhom hemmhekk.+  Resqu lejh il-​Fariżej u, bil-​ħsieb li jipprovawh, staqsewh: “Skond il-​liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lil martu għal kwalunkwe raġuni?”+  Hu wieġeb u qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara+  u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu+ u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’?+  Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”+  Qalulu: “Allura Mosè għala ordna li wieħed jagħtiha ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha?”+  Qalilhom: “Kien minħabba l-​ebusija taʼ qalbkom+ li Mosè ċedielkom li tiddivorzjaw lin-​nisa tagħkom, imma dan ma kienx hekk mill-​bidu.+  Jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”+ 10  Id-dixxipli qalulu: “Jekk din hi s-​sitwazzjoni taʼ raġel maʼ martu, ma jaqbillekx tiżżewweġ.”+ 11  Hu qalilhom: “Mhux kulħadd jagħmel il-​wisaʼ għal dan il-​kliem, imma dawk biss li għandhom din l-​għotja.+ 12  Għax hemm ewnuċi li twieldu hekk minn ġuf ommhom,+ u hemm ewnuċi li ntgħamlu ewnuċi mill-​bnedmin, u hemm ewnuċi li għamlu lilhom infushom ewnuċi minħabba s-​saltna tas-​smewwiet. Min jistaʼ, ħa jagħmel il-​wisaʼ għal dan.”+ 13  Imbagħad ġabulu xi tfal żgħar biex ipoġġi idejh fuqhom u jitlob; imma d-​dixxipli ċanfruhom.+ 14  Iżda Ġesù qal: “Ħalluhom it-​tfal żgħar, u tibqgħux iżżommuhom milli jiġu għandi, għax is-​saltna tas-​smewwiet hi taʼ min hu bħalhom.”+ 15  U poġġa idejh fuqhom u telaq minn hemmhekk.+ 16  Issa, ara, resaq wieħed fuqu u qallu: “Għalliem, liema għemil tajjeb irrid nagħmel sabiex nikseb il-​ħajja taʼ dejjem?”+ 17  Qallu: “Għala tistaqsini dwar x’inhu tajjeb? Wieħed hemm li hu tajjeb.+ Iżda, jekk trid tidħol fil-​ħajja, osserva l-​kmandamenti kontinwament.”+ 18  Qallu: “Liema?”+ Ġesù qal: “Toqtolx,+ Tagħmilx adulterju,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ 19  Onora lil missierek u lil ommok,+ u, Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”+ 20  Iż-żagħżugħ qallu: “Dawn kollha ħaristhom; x’jonqosni iktar?” 21  Ġesù qallu: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra u jkollok teżor fis-​sema,+ u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 22  Meta ż-​żagħżugħ semaʼ dan, telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.+ 23  Imbagħad Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li se jkun diffiċli għal raġel għani biex jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet.+ 24  Nerġaʼ ngħidilkom, Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-​saltna t’Alla.”+ 25  Meta d-​dixxipli semgħu dan, issorprendew ruħhom ħafna u qalulu: “Min tassew jistaʼ jiġi salvat?”+ 26  Waqt li ħares fiss lejhom, Ġesù qalilhom: “Għall-​bnedmin dan hu impossibbli, imma għal Alla kollox hu possibbli.”+ 27  Imbagħad wieġeb Pietru u qallu: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?”+ 28  Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, Fit-​tiġdid taʼ kollox, meta Bin il-​bniedem joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu, intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-​qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Israel.+ 29  U kulmin telaq id-​djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-​tfal jew l-​artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-​ħajja taʼ dejjem.+ 30  “Imma ħafna li huma l-​ewwel ikunu l-​aħħar u taʼ l-​aħħar l-​ewwel.+

Noti taʼ taħt