Mattew 17:1-27

17  Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil ħuh Ġwanni, u tellagħhom fuq muntanja għolja waħedhom.+  U tbiddel quddiemhom, u wiċċu idda bħax-​xemx,+ u ħwejġu bdew jixegħlu bħad-​dawl.+  U, ara! Dehrulhom Mosè u Elija jitkellmu miegħu.+  Għaldaqstant, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk! Jekk trid, intellaʼ tliet tined hawnhekk, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”+  Waqt li kien għadu jitkellem, ara, sħaba tiddi għattiethom, u, ara, leħen minn ġos-​sħaba qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt;+ isimgħu minnu.”+  Malli semgħu dan id-​dixxipli nxteħtu wiċċhom fl-​art u ħakimhom biżaʼ kbir.+  Imbagħad Ġesù resaq lejhom, messhom, u qalilhom: “Qumu u tibżgħux.”+  Meta refgħu għajnejhom ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.+  U kif kienu neżlin minn fuq il-​muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din il-​viżjoni sakemm Bin il-​bniedem jiġi mqajjem mill-​imwiet.”+ 10  U d-​dixxipli staqsewh: “Allura l-​iskribi għala jgħidu li Elija jrid jiġi l-​ewwel?”+ 11  Wieġeb u qalilhom: “Iva, Elija ġej u se jġedded kollox.+ 12  Madankollu, jien ngħidilkom li Elija diġà ġie u m’għarfuhx imma għamlu bih dak li riedu. Hekk ukoll Bin il-​bniedem għandu jsofri taħt idejhom.”+ 13  Imbagħad id-​dixxipli fehmu li kien qed ikellimhom dwar Ġwanni l-​Battista.+ 14  U meta ġew ħdejn il-​folla,+ resaq lejh wieħed raġel, niżel għarkopptejh quddiemu, u qallu: 15  “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax hu epilettiku u marid, u sikwit jaqaʼ fin-​nar u fl-​ilma;+ 16  u ġibtu għand id-​dixxipli tiegħek, imma ma setgħux ifejquh.”+ 17  Ġesù wieġeb u qal: “Ja ġenerazzjoni bla fidi u mgħawġa,+ kemm irrid indum magħkom? Kemm ħa ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn.” 18  Imbagħad Ġesù ċanfar lid-​demonju u dan ħareġ minnu;+ u t-​tifel fieq dak il-​ħin stess.+ 19  Imbagħad id-​dixxipli resqu lejn Ġesù waħedhom u qalulu: “Għala ma stajniex inkeċċuh?”+ 20  Qalilhom: “Minħabba l-​fidi żgħira tagħkom. Għax tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-​mustarda, tgħidu lil din il-​muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.”+ 21 * —— 22  Waqt li kienu miġburin flimkien fil-​Galilija, Ġesù qalilhom: “Bin il-​bniedem għandu jiġi tradut u jingħata f’idejn il-​bnedmin,+ 23  u dawn joqtluh, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.”+ Għaldaqstant tnikktu ferm.+ 24  Wara li waslu Kafarnahum, l-​irġiel li jiġbru t-​taxxa taʼ żewġ drakmi resqu lejn Pietru u qalulu: “L-​għalliem tagħkom ma jħallashiex it-​taxxa taʼ żewġ drakmi?”+ 25  Qalilhom: “Iva.” Madankollu, meta daħal id-​dar, Ġesù fil-​pront bdielu d-​diskors u qallu: “X’taħseb Xmun? Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” 26  Meta qal: “Mingħand l-​istranġieri,” Ġesù qallu: “Mela, allura, l-​ulied huma ħielsa mit-​taxxa. 27  Imma biex ma nfixkluhomx,+ mur sal-​baħar, ixħet sunnara, u ħu l-​ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”+

Noti taʼ taħt

Dan il-​vers jinsab f’xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja, imma jitħalla barra fit-​test Grieg taʼ Westcott u Hort, li jaqbel mal-​manuskritti Griegi l-​iktar antiki.