Mattew 15:1-39

15  Imbagħad ġew xi Fariżej u skribi minn Ġerusalemm+ għand Ġesù u qalulu:  “Id-​dixxipli tiegħek għala jiksru t-​tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna? Per eżempju, huma ma jaħslux idejhom qabel jieklu.”+  Wieġeb u qalilhom: “U intom għala tiksru l-​kmandament t’Alla minħabba t-​tradizzjoni tagħkom?+  Per eżempju, Alla qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok’;+ u, ‘Min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jieħu l-​mewt.’+  Imma intom tgħidu, ‘Kulmin jgħid lil missieru jew lil ommu: “Kulma għandi li bih nistaʼ nkun t’għajnuna għalik hu għotja dedikata lil Alla,”  m’għandux għalfejn jonora lil missieru.’+ U b’hekk il-​kelma t’Alla ġibtuha fix-​xejn minħabba t-​tradizzjoni tagħkom.+  Ja ipokriti,+ sewwa pprofetizza dwarkom Isaija,+ meta qal,  ‘Dan il-​poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni.+  Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini+ l-​kmandi tal-​bnedmin.’” 10  Imbagħad sejjaħ lill-​folla lejh u qalilhom: “Isimgħu u ifhmu dan:+ 11  Mhux dak li jidħol mill-​fomm iniġġes lill-​bniedem; imma dak li joħroġ minn fommu jniġġsu lill-​bniedem.”+ 12  Imbagħad ġew id-​dixxipli u qalulu: “Taf li l-​Fariżej tfixklu b’dak li għedt?”+ 13  Wieġeb u qalilhom: “Kull xitla li ma ħawwilx Missieri tas-​sema titqaċċat mill-​għeruq.+ 14  Ħalluhom. Dawk gwidi għomja. Għalhekk, jekk agħma jmexxi lil agħma, it-​tnejn jaqgħu f’ħofra.”+ 15  Wieġeb Pietru u qallu: “Fissrilna+ din it-​tixbiha.” 16  Għal dan, qalilhom: “Intom ukoll għadkom ma fhimtux?+ 17  Ma tafux li kulma jidħol mill-​fomm jgħaddi mill-​imsaren u jintrema fid-​dranaġġ? 18  Madankollu, dak li joħroġ mill-​fomm jiġi mill-​qalb, u dan hu li jniġġes lill-​bniedem.+ 19  Per eżempju, mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin,+ qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.+ 20  Dawn huma l-​affarijiet li jniġġsu lill-​bniedem, imma dan ma jitniġġisx+ għax jiekol mingħajr ma jaħsel idejh.” 21  Ġesù telaq minn hemmhekk u mar fl-​inħawi taʼ Tir u Sidon.+ 22  U, ara, waħda mara mill-​Feniċja*+ li kienet toqgħod f’dawk l-​inħawi ħarġet tgħajjat u tgħid: “Ikollok ħniena minni,+ Mulej, Bin David. Binti maħkuma bl-​ikrah minn demonju.” 23  Imma hu ma wiġibha xejn. Għalhekk, resqu d-​dixxipli tiegħu u bdew jitolbuh: “Ibgħatha ’l hemm; għax se tibqaʼ tgħajjat warajna.” 24  Hu wieġeb u qal: “Kont mibgħut biss għan-​nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel.”+ 25  Imma l-​mara ġiet, mielet quddiemu, u qaltlu: “Mulej, għinni!”+ 26  Hu wiġibha: “Mhux sewwa li tieħu l-​ħobż tat-​tfal u titfgħu lill-​ġriewi.” 27  Qaltlu: “Iva, Mulej; imma fil-​fatt il-​ġriewi wkoll jieklu mill-​frak li jaqaʼ mill-​mejda tas-​sidien tagħhom.”+ 28  Imbagħad Ġesù qalilha: “O mara, kbira hi l-​fidi tiegħek; ħa jkunlek kif tixtieq.” U bintha fieqet dak il-​ħin stess.+ 29  Imbagħad Ġesù telaq minn hemmhekk u ġie ħdejn il-​baħar tal-​Galilija,+ u, wara li telaʼ fuq il-​muntanja,+ qagħad bil-​qiegħda. 30  Imbagħad resqu lejh folol kbar, li kellhom magħhom nies zopop, immankati, għomja, muti, u ħafna oħrajn, u qegħduhom f’riġlejh, u fejjaqhom;+ 31  u l-​folla baqgħet mgħaġġba meta rat il-​muti jitkellmu, iz-​zopop jimxu, u l-​għomja jaraw, u gglorifikaw lill-​Alla taʼ Israel.+ 32  Imbagħad Ġesù sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu u qalilhom:+ “Nitħassarhom+ lil dawn in-​nies, għax diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-​triq.” 33  Madankollu, id-​dixxipli qalulu: “F’dan il-​post imwarrab, minfejn se nġibu biżżejjed ħobż biex inxebbgħu folla kbira bħal din?”+ 34  Għal dan, Ġesù qalilhom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa, u ftit ħut żgħir.” 35  Mela, wara li qal lin-​nies biex jinxteħtu fl-​art, 36  ħa s-​sebaʼ ħobżiet u l-​ħut u, wara li radd ħajr, qasamhom u beda jnewwilhom lid-​dixxipli, u mbagħad id-​dixxipli tawhom lill-​folol.+ 37  U kulħadd kiel u xebaʼ, u ġabru l-​bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew sebat iqfief kbar.+ 38  Dawk li kielu kienu erbat elef raġel, barra n-​nisa u t-​tfal żgħar. 39  Fl-aħħar, wara li bagħat lill-​folol, telaʼ fid-​dgħajsa u ġie fl-​inħawi taʼ Magadan.+

Noti taʼ taħt

Jew, “minn Kangħan.”